Is-Sitta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Kulħadd profeta fil-poplu tal-Mulej.
 
Qari mill-Ktieb tan-Numri
F’dak iż-żmien, il-Mulej niżel fi sħaba jkellem lil Mosè, u ħa
mill-ispirtu li kellu fih, u tah lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif
l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew jipprofetizzaw, imma ma ssuktawx.
Issa fil-kamp kien baqa’ żewġt irġiel, wieħed jismu Eldad u l-ieħor
Medad, u fuqhom ukoll niżel l-ispirtu. Hekk dawn ġew magħduda
mal-magħżulin għax, għalkemm ma marrux fit-tinda, bdew
jipprofetizzaw fil-kamp.
Dlonk mar wieħed żagħżugħ jgħarraf b’dan lil Mosè, u qallu:
“Eldad u Medad qegħdin jipprofetizzaw fil-kamp.” U Gożwè
bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta’ Mosè, qabad u qal: “Sidi
Mosè, tħallihomx aktar.” Iżda Mosè wieġbu: “Jaqaw qiegħed tgħir
minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla
l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb
 
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. Rl.
 
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. Rl.
 
Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek;
ħlas tajjeb għandu min iħarishom.
In-nuqqas min jista’ jagħrfu?
Minn dak li ma nafx bih saffini. Rl.
 
Mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek,
tħalliha qatt taħkimni.
Imbagħad inkun bla ħtija
u ħieles minn dnub kbir. Rl.
 

It-Tieni Qari

Il-ġid tagħkom tħassar.
 
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Ejjew issa, intom il-għonja, ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom!
Ġidkom tħassar, ħwejjiġkom kilithomlkom il-kamla. Id-deheb u
l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħkom għad jixhed
kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-
aħħar jiem!
Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom – ħlas li intom
żammejtuhulhom bil-qerq – qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki
ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti.
Fuq l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu tissemmnu għall-jum
tal-qatla.
Intom ikkundannajtu l-ġust, qtiltuh għax ma jistax jiqfilkom!
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Missier, il-kelma tiegħek hi l-verità,
qaddishom permezz tal-verità.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Min mhux kontra tagħna, huwa magħna.
 
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel,
li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna
nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” Imma Ġesù
qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu
f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min
mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.
Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija,
ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.
Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li
jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin
minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. U jekk idek hija
għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol
b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li
ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu
barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet
b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’
dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda
fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern,
fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex.”

About the author

Ikkummenta