It-Tlieta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Widnejn it-torox jinfetħu, u lsien l-imbikkem jgħajjat bil-ferħ.
 
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
Hu stess ġej biex isalvakom.”
Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert,
u l-widien fix-xagħri.
L-art maħruqa tinbidel f’għadira,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.
 

Salm Responsorjali

Rl. : Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
 
Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. Rl.
 
Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej jħares lill-barranin. Rl.
 
Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. Rl.
 

It-Tieni Qari

Alla għażel lil dawk li huma foqra biex isiru werrieta tas-Saltna.
 
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Ħuti, tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja,
mal-ħarsien lejn l-uċuħ.
Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb
f’subgħajh u bi lbies ilellex, imbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes
imċerċer, u intom idduru ma’ dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: “Int
oqgħod komdu bilqiegħda” waqt li lill-fqir tgħidulu: “Int oqgħod
bilwieqfa”, jew: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta’ riġlejja”, ma
jidhrilkomx li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk
issiru mħallfin qarrieqa?
Isimgħu, ħuti għeżież: mhux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja
biex jistagħnu fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil
dawk li jħobbuh?
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom,
ixandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.
 
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn
Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli.
U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu.
Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh
f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh
lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata!” jiġifieri: “Infetaħ!”
U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad
jitkellem sewwa.
Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom,
aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox
għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin!”

About the author

Ikkummenta