Il-biża’ huwa atteġġjament li jagħmlilna l-ħsara – Jipparaliżżana. Persuna beżżiegħa ma tagħmel xejn u ma tafx x’għandha tagħmel. Moħħha biss fiha nfisha biex ma jiġrilha xejn ħażin. Il-biża jmexxik ukoll lejn l-egoċentriżmu. Nisrani beżżiegħ hu bniedem li ma fehemx l-messaġġ ewlieni ta’ Ġesù Kristu.
Huwa għal din ir-raġuni li San Pawl ukoll kemm il-darba jgħid: Tibżgħux. Il-biża’ mhix atteġġjament tan-Nisrani, imma atteġġjament, biex ngħidu hekk, ta’ ruħ imjassra, mingħajr il-libertà li tħares ‘il quddiem, li toħloq xi ħaġa ġdida, li tagħmel il-ġid, ruħ li tgħid dejjem: le! Le, għax tibża’ mill-periklu, minn dik, mill-oħra. U dan hu vizzju li kultant xi wħud għandhom u ftit nirrejaliżżaw li l-biża’ ma jagħmilx ġid. Allura ma rridux nibżgħu u għandna nitolbu l-grazzja tal-kuraġġ, il-kuraġġ li jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu.
Jeżistu komunitajiet beżżiegħa li dejjem jaġixxu b’insigurta kbira: le, ma nagħmlux hekk, dan ma jistax isir, ma nistgħux immorru hemm. Donnu li fuq il-bieb ta’ barra għandhom miktub: no entry. B’dan l-atteġġjament jispiċċa li ma jsir xejn minħabba l-biża’. Meta tidħol f’komunità bħal din tħoss l-arja mniġġsa għax hija komunità marida. Il-biża’ tmarrad il-komunità bħalma jmarradha wkoll in-nuqqas ta’ kuraġġ.
Irridu nagħmlu distinzjoni bejn il-biża’ u l-“biża’ t’Alla”. Din tal-aħħar hija biża’ qaddisa, għax il-biża’ t’Alla hija virtù fiha nnifisha. Imma l-biża’ t’Alla ma ċċekkinx, ma ddgħajjifx, ma tipparliżżax, anzi tmexxi ‘l quddiem lejn il-missjoni mogħtija mill-Mulej.
Il-kelma l-oħra li totalment hija opposta għal biża hija l-ferħ. Ħadd ma jista’ jeħdilkom il-ferħ tagħkom, jgħid Ġesù. Fil-mumenti tal-akbar djieqa, fil-mumenti tat-tbatija l-ferħ jissarraf f’paċi. In-Nisrani mingħajr ferħ mhux Nisrani. Nisrani li dejjem bil-geddum, mhux Nisrani. U Nisrani li fil-waqtiet ta’ prova, fil-mard, fil-ħafna diffikultajiet, jitlef il-paċi, hu nieqes minn xi ħaġa.
Il-ferħ Nisrani mhux sempliċi divertiment li jgħaddi: il-ferħ Nisrani hu don, rigal tal-Ispirtu s-Santu. Ifisser li qalbek tkun dejjem ferħana għax il-Mulej rebaħ, il-Mulej isaltan, il-Mulej jinsab fuq il-lemin tal-Missier, il-Mulej ħares lejja u tani grazzja: għamilni iben il-Missier. Dak hu l-ferħ Nisrani li aħna lkoll mistiedna ngħixu f’ħajjitna. Għalhekk, komunità li m’għandhiex ferħ hija komunità marida. Hekk ukoll meta l-Knisja tkun beżżiegħa u meta l-Knisja ma tirċevix il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu, timrad, il-komunitajiet jimirdu, jimirdu l-fidili.