- Fit-13 ta’ Marżu 2015, waqt iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Papa Franġisku ħabbar Sena straordinarja li tkun il-Ġublew tal-Ħniena. Dakinhar kien it-tieni anniversarju mill-elezzjoni tal-Papa Franġisku bħala suċċessur tal-Appostlu Pietru.
- Il-Ġublew tal-Ħniena jibda fit-8 ta’ Diċembru 2015, solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Dakinhar jaħbat il-ħamsin anniversarju mill-għeluq tal-Konċilju Vatikan II.
- Il-Ġublew jintemm fl-20 ta’ Novembru 2016, solennità ta’ Kristu Sultan tal-ħolqien kollu u wiċċ ħaj tal-ħniena tal-Missier.
- Din is-Sena ġiet fdata mill-Papa Franġisku f’idejn il-Verġni Marija, Omm il-Ħniena biex hija tixħet ħarsitha fuqna u tħares il-mixja penitenzjali tagħna.
- L-organizzazzjoni tal-Ġublew tħalliet fidejn il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida, biex jista’ jippreżentah bħala tappa ġdida fil-mixja tal-Knisja fil-missjoni tagħha li twassal lil kull bniedem il-Vanġelu tal-ħniena.
- Matul il-Ġublew, il-qari tal-Ħdud ta’ matul is-Sena jkunu mill-Vanġelu ta’ Luqa, imsejjaħ l-Evanġelista tal-Ħniena.