L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  33, 14-16

Ara, għad jiġu jiem – kelma tal-Mulej – meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda il-ġid li wegħedthom. F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien intella’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa fil-pajjiż.  F’dawk il-jiem Ġuda jkun salv u Ġerusalemm tgħammar fis-sod; u għalhekk isejħulha “Il-Mulej is-sewwa tagħna”.

 

Salm Responsorjali

 

 

Ritornell: Lejk, Mulej, jiena nerfa’ ruħi.

 

Triqatek, Mulej, urini,

Il-mogħdijiet tiegħek għarrafni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

Għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R.:

 

Twajjeb u sewwa l-Mulej;

Għalhekk juri t-triq tiegħu lill-ħatjin,

Imexxi l-imsejknin fis-sewwa,

Igħallem triqtu lill-fqajrin. R.:

 

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhatjieba u fedeltà

Għal dawk li jħarsu l-patt u l-liġijiet tiegħu.

Il-Mulej hu ta’ ġewwa ma’ min jibża’ minnu,

Lilhom igħarraf il-patt tiegħu. R.:

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  3, 12 – 4, 2

Ħuti:  Jalla l-Mulej ikattar u jfawwar fikom l-imħabba tagħkom għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma nħobbu aħna lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla u Missierna għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu!  Fl-aħħarnett, ħuti, intom diġa tgħallimtu minn għandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, u tabilħaqq, hekk qegħdin iġġibu ruħkom; imma aħna nitolbukom u nħeġġukom fil-Mulej Ġesù biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. Tafu x’tagħlim tajniekom permezz tal-Mulej Ġesù.

 

Versett: Hallelujah.

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  21, 25-28;  34-36

 F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb.  Fuq l-art, il-ġnus jinħakmu mid-dwejjaq, moħħhom imħawwad bil-ħsejjes kbar tal-baħar u l-imwieġ; in-nies jibdew imutu bil-biża’ u bl-istennija ta’ kull ma jkun ġej fuq id-dinja, għax is-setgħat tas-smewwiet jitqanqlu.  U mbagħad jaraw lil Bin il-Bniedem ġej fuq sħaba b’setgħa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qumu u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Oqogħdu għassa tagħkom innifiskom, li ma tmorrux tħallu qlubkom jitqalulkom b’ikel u xorb żejjed, jew b’sokor, jew b’ħafna tħassib għall-ħtiġijiet tal-ħajja, u li dak il-Jum ma ssibuhx fuqkom għal għarrieda bħal nassa; għax għad jasal lil kull min igħammar fuq wiċċ l-art kollha.

Mela ibqgħu ishru u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu taħarbu dan kollu li għandu jiġri, u tieqfu bla biża’ quddiem Bin il-Bniedem.

 

 

1k66f1dbbd0d

About the author

Ikkummenta