Fis-sitt kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann, li fih Ġesù, wara li għamel il-miraklu l-kbir tat-tkattir tal-ħobż, jispjega lin-nies it-tifsira ta’ dak is-sinjal (Ġwanni 6, 41-45), Ġesù jibda mill-esperjenza tal-ġuħ u s-sinjal tal-ħobż, biex juri lilu nnifsu u jagħmel stedina biex nemmnu fiH.
In-nies tfittxu, in-nies tisimgħu, għax baqgħu mistagħġba bil-miraklu – riedu jagħmluh re! -; imma meta Ġesù afferma li l-veru ħobż mogħti minn Alla, huwa Hu stess, ħafna skandaliżżaw ruħhom, ma fehemux, u jibdew jgħidu bejniethom: «Aħna ma nafux min hi ommu, min hu missieru? Kif allura jista’ jgħid: “Jien ġejt mis-sema?”» (Ġwanni 6,42). U bdew igemgmu. Allura Ġesù jwieġeb: «Ħadd ma jista’ jiġi għandi, jekk ma jsejjaħlux il-Missier li bagħatni», u jżid: «min jemmen fija għandu fih il-ħajja ta’ dejjem» (vv. 44,47).
Nistgħaġbu u ġġagħlna nirriflettu din il-kelma tal-Mulej u fl-istess waqt iddaħħalna fid-dinamika tal-fidi, li hi relazzjoni: ir-relazzjoni bejn il-persuna umana – aħna lkoll – u l-Persuna ta’ Ġesù, fejn għandu rwol importanti l-Missier, u naturalment, anki l-Ispirtu s-Santu. Mhux biżżejjed niltaqgħu ma’ Ġesù biex nemmnu fiH, mhux biżżejjed naqraw il-Bibbja, l-Evanġelju – dawn huma importanti!, imma mhux biżżejjed. Lanqas mhu biżżejjed nassistu għal xi miraklu bħal dak tat-tkattir tal-ħobż.
Tant persuni kienu f’kuntatt qrib ħafna ma’ Ġesù u ma emmnuhx. Anzi, iddisprezzawh ukoll u kkundannawh. Għaliex dan? Ma kinux imsejħin mill-Mulej? Le, dan ġara għax qalbhom kienet magħluqa għall-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla. Alla l-Missier dejjem jiġbidna lejn Ġesù: inkunu aħna li niftħu jew nagħlqu qalbna. Il-fidi, li hi bħal żerriegħa fil-qiegħ ta’ qalbna, tinbet meta aħna nħallu lill-Missier jiġbidna lejn Ġesù u “mmorru għandu” b’qalb miftuħa, mingħajr preġudizzji; b’hekk fil-wiċċ tiegħu naraw il-Wiċċ ta’ Alla u fi kliemu il-Kelma ta’ Alla, għax l-Ispirtu s-Santu daħħalna fir-relazzjoni ta’ mħabba u ta’ ħajja li hemm bejn Ġesù u Alla l-Missier. U hemmhekk aħna nirċievu r-rigal, ir-rigal tal-fidi.
Allura, b’dan l-atteġġjament ta’ fidi, inkunu nistgħu nifhmu anki s-sens “tal-Ħobż tal-ħajja” li jirregalalna Ġesù u li Hu jispjega hekk: «Jien hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema. Min jiekol minn dal-ħobż jgħix għal dejjem u l-ħobż li nagħti jien huwa ġismi għal ħajja tad-dinja» (Ġwanni 6,51)). F’Ġesù, “fil-ġisem” tiegħu – jew aħjar fl-umanità konkreta tiegħu – hemm preżenti l-imħabba kollha ta’ Alla, li hu l-Ispirtu s-Santu. Min iħalli din l-imħabba tiġbdu, jmur lejn Ġesù u jmur bil-fidi, u mingħandu jirċievi l-ħajja, il-ħajja ta’ dejjem.
Dik li għexet din l-esperjenza b’mod eżemplari hija l-Verġni ta’ Nażaret, Marija: l-ewwel persuna umana li emmnet f’Alla u laqgħet il-ġisem ta’ Ġesù. Nitgħallmu minnha, hi li hi Ommna, il-ferħ u l-gratitudni għad-don tal-fidi. Don li mhux “ħaġa privata”, don li mhux propjetà privata imma hu don li għandna naqsmuh: huwa rigal «għall-ħajja tad-dinja!».
Fr Claude