Dik it-Tarbija, imwielda Betlehem mill-Verġni Marija, ma ġietx biss għall-poplu ta’ Israel, irrappreżentat mir-rgħajja ta’ Betlehem, imma anki għall-bnedmin kollha, irrappreżentati mill-Maġi, li ġew mil-Lvant. Dawn il-Maġi li ġew mil-Lvant huma l-ewwel nies f’dik il-purċissjoni twila li fuqha ikellimna l-Profeta Isaija (Isa 60:1-6): purċissjoni li minn dak iż-żmien baqgħet ma qatgħetx, u li tul l-epoki kollha tagħraf il-messaġġ tal-kewkba u ssib lit-Tarbija li turina l-ħlewwa ta’ Alla. Dejjem hemm persuni ġodda li jiġu mdawlin mid-dawl tal-kewkba, li jsibu t-triq u jaslu għandU.
Skond it-tradizzjoni, il-Maġi kienu nies għorrief: studjużi tal-kwiekeb, qarrejja tas-sinjali tas-sema, f’kuntest kulturali u ta’ twemmin li fil-kwiekeb kien jaqra tifsiriet partikulari li jinfluwenzaw dak li jgħaddi minnu l-bniedem. Il-Maġi jirrappreżentaw l-irġiel u nisa li qed ifittxu lil Alla fir-reliġjonijiet u fil-filosofiji tad-dinja kollha: tiftixa li ma tieqaf qatt.
Il-Maġi juruna t-triq li fiha għandna nimxu f’ħajjitna. Huma kienu qed ifittxu d-Dawl veru: “Lumen requirunt lumine”, jgħid innu liturġiku ta’ l-Epifanija, f’riferenza għall-esperjenza tal-Maġi. Huma jimxu wara dawl, ifittxu d-dawl. Telqu jfittxu lil Alla. Raw is-sinjal tal-kewkba, interpretawh u bdew mexjin, għamlu vjaġġ twil. Hu l-Ispirtu s-Santu li sejħilhom u qanqalhom biex jibdew mexjin; u f’din il-mixja kellha sseħħ anki l-laqgħa personali tagħhom ma’ Alla l-veru.
Tul il-mixja tagħhom il-Maġi jiltaqgħu ma’ għadd ta’ diffikultajiet. Mal-wasla tagħhom f’Ġerusalemm huma jidħlu l-palazz tas-sultan, għax kienet ħaġa ovvja għalihom li s-sultan il-ġdid kellu jitwieled fil-palazz irjali. Hemm huma jitilfu l-kewkba. Kemm drabi ma nibqgħux narawha l-kewkba! U jiltaqgħu ma’ tentazzjoni, li poġġielhom quddiemhom ix-xitan: hu l-ingann ta’ Erodi. Is-sultan Erodi donnu jidher interessat fit-tarbija, mhux biex imur iqimha, imma biex jeqridha. Erodi hu l-bniedem tal-poter, li fil-persuna l-oħra jara biss għadu. U fl-aħħar mill-aħħar anki lil Alla jqisu bħala għadu tiegħu, anzi, bħala l-aktar għadu perikuluż. Fil-palazz il-Maġi jgħaddu minn mument ta’ dalma, ta’ deżolazzjoni, li jirnexxielhom jegħlbuh grazzi għas-suġġerimenti ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jitkellem permezz tal-profeziji ta’ l-Iskrittura Mqaddsa. Dawn juru li l-Messija kellu jitwieled f’Betlehem, il-belt ta’ David.
Hawn huma jaqbdu mill-ġdid mixjithom u jerġgħu jilmħu l-kewkba: l-evanġelista jniżżel li mtlew b’“ferħ kbir tassew” (Mt 2:10), faraġ sħiħ. Meta waslu Betlehem, sabu “lit-tifel ma’ ommu Marija” (Mt 2:11). Wara dik ta’ Ġerusalemm, din kienet għalihom it-tieni tentazzjoni kbira: li jirrifjutaw dik iċ-ċkunija kollha. Imma huma “inxteħtu fl-art iqimuh”, u offrewlu d-doni prezzjużi u simboliċi tagħhom. Hi dejjem il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu li qed tgħinhom: dik il-grazzja li, permezz tal-kewkba, kienet sejħitilhom u mexxiethom fit-triq li qabdu, issa ddaħħalhom fil-misteru. Dik il-kewkba li sieħbet il-mixja tagħhom, iddaħħalhom fil-misteru. Imnebbħa mill-Ispirtu, jaslu biex jagħrfu li l-kriterji ta’ Alla huma differenti sew minn dawk tal-bnedmin, li Alla ma jurix ruħu fil-qawwa ta’ din id-dinja, imma jiġi għandna fl-umiltà ta’ mħabbtu. L-imħabba ta’ Alla hi kbira. L-imħabba ta’ Alla hi qawwija. Imma l-imħabba ta’ Alla hi umli, umli ħafna! Il-Maġi għalhekk huma mudelli ta’ konverżjoni lejn il-fidi vera għax huma emmnu iżjed fit-tjieba ta’ Alla milli fl-isplendur tal-poter li jidher minn barra.
U allura nistgħu nistaqsu: liema hu l-misteru li fih jinħeba Alla? Fejn nista’ niltaqa’ miegħu? Madwarna naraw gwerer, sfruttament tat-tfal, torturi, traffikar ta’ l-armi, traffikar tal-persuni… F’dawn ir-realtajiet kollha, f’dawn l-aħwa kollha l-iżjed żgħar li qed ibatu minħabba dawn is-sitwazzjonijiet, hemm Ġesù (ara Mt 25:40,45). Il-presepju jfasslilna quddiemna triq differenti minn dik li toħlom il-mentalità ta’ din id-dinja: hi t-triq ta’ Alla li jitbaxxa, dik l-umiltà ta’ l-imħabba ta’ Alla li jiċċekken, jixxejjen, il-glorja tiegħu hi moħbija fil-maxtura ta’ Betlehem, fis-salib fuq il-Kalvarju, f’ħija u f’oħti li qed ibatu.
Fr Claude