L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea
Dan jgħid il-Mulej:
«Int, Betlehem ta’ Efrata,
ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda,
minnek għad joħroġli
dak li jkun prinċep f’Iżrael;
hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,
sa minn dejjem ta’ dejjem.
Għalhekk il-Mulej jitlaqhom
sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;
imbagħad il-bqija ta’ ħutu
jerġgħu lura fost ulied Iżrael.
U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu
bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu.
U huma jgħammru fiż-żgur,
għax issa tkun kbira setgħetu,
sa trufijiet l-art.
U dan ikun is-sliem!»
Salm Responsorjali
Rl. : Mulej, itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi
O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi.
Qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana. Rl.
Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ‘il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. Rl.
Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, Kristu meta daħal fid-dinja qal:
«Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx,
imma ġisem int ħejjejt għalija;
vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet
lilek ma għoġbukx.
Jien imbagħad għedt: “Hawn jien, ġejt
biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla,
kif fil-ktieb hemm miktub fuqi.”»
L-ewwel qal: «Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi
għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk», għalkemm dawn
titlobhom il-Liġi. Imbagħad qal: «Hawn jien, ġejt biex nagħmel
ir-rieda tiegħek». B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel biex
iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna konna
mqaddsin, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula
darba għal dejjem.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt
tal-Lhudija.
Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta
semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u
Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet:
«Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U
minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara,
malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-
ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat
jgħidilha l-Mulej.»