L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija
Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon,
Iżrael, samma’ leħnek!
Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm!
Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik,
keċċa l-għedewwa tiegħek.
Is-sultan t’Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok;
ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’.
Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:
«Tibżax, Sijon,
tħallix idejk jintelqu!
Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok,
gwerrier li jsalva;
minħabba fik jithenna b’hena kbir,
fi mħabbtu jġeddek,
jinfexx minħabba fik f’għajjat ta’ ferħ,
bħalkieku f’jum ta’ festa.»
Salm Responsorjali
Rl. : Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael
Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
Kollkom ferħana
timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. Rl.
Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli. Rl.
Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa
tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob!
Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi
jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.
U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jista’ jifhem,
iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ
fi Kristu Ġesù.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
U aħna, x’għandna nagħmlu?
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu:
«Mela x’għandna nagħmlu?» U huwa kien iweġibhom:
«Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn,
u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.»
Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: «Mgħallem,
x’għandna nagħmlu aħna?» U huwa weġibhom: «Tissikkaw lil
ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu.»
Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: «U aħna, x’għandna nagħmlu?»
U huwa weġibhom: «Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq
tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.»
Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu
nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni
qabad u qal lil kulħadd: «Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma,
imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli
tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.
Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ
fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.»
U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.