It-Tieni Ħadd tal-Avvent

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk
Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, ilbies il-vistu u n-niket tiegħek,
u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta’ Alla.
Ilbes mantar il-ġustizzja ta’ Alla,
qiegħed fuq rasek id-dijadema tal-glorja ta’ Alla ta’ dejjem.
Għax Alla għad juri sbuħitek lid-dinja taħt ix-xemx,
Alla jsemmik għal dejjem:
«Sliem tal-Ġustizzja» u «Glorja tal-Qima ta’ Alla.»
Qum, Ġerusalemm, itla’ fl-għoli, u ħares madwarek lejn il-Lvant,
ara ’l uliedek miġmugħa, minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla’,
għall-kelma tal-Qaddis, ferħana li Alla ftakar fihom.
Telqu mingħandek bil-mixi, imkarkra mill-għedewwa,
u issa Alla se jġibhomlok,
merfugħin fil-ġieħ bħalkieku fuq tronijiet is-slaten.
Għax Alla ordna; jitniżżlu l-muntanji għolja, u l-għoljiet ta’ dejjem,
jimtlew il-widien u titwitta l-art,
biex hemm Iżrael jimxi ’l quddiem, bla tfixkil ta’ xejn,
taħt il-ħarsien ta’ Alla.
U l-foresti u s-siġar tal-fwieħa, jixħtu dellhom għal fuq Iżrael,
bl-ordni ta’ Alla. Għax Alla jmexxi lil Iżrael ferħan,
b’dawl il-glorja tiegħu,
imsieħba mill-ħniena u l-ġustizzja ħierġa minnu.
 

Baptista-cropped

Salm Responsorjali

Rl.: Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
 
Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajjat ta’ ferħ ilsienna. Rl.
 
Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
«Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!»
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. Rl.
 
Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. Rl.
 
Huma u sejrin, imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura,
jiġu b’għana ta’ ferħ, iġorru l-qatet f’idejhom. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, minħabba
s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem
sal-lum. Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom,
iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù.
Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù!
U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed
bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u
mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, mimlijin
bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u
l-foħrija ta’ Alla.
 
Crombie-photos-11-25-14
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu :
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
Rl. Hallelujah
 
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu
kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu
tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’
Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u
Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert.
U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija
ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb
tal-profeziji ta’ Isaija:
«Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!»

About the author

Ikkummenta