Bħala poplu ta’ Alla qed nibdew il-mixja tar-Randan, żmien li fih infittxu li nissieħbu iktar mill-qrib mal-Mulej, biex naqsmu miegħu l-misteru tal-Passjoni u l-Qawmien tiegħu. Il-liturġija tal-Kelma f’Ras ir-Randan tipproponila fuq kollox is-silta mill-Profeta Ġoel, mibgħut minn Alla biex isejjaħ lill-poplu għall-penitenza u l-konverżjoni, minħabba f’diżgrazzja naturali (invażjoni ta’ ġradijiet) li tolqot lil-Lhudija. Il-Mulej waħdu jista’ jsalvahom minn dan il-flaġell u għalhekk hemm bżonn li jduru lejh bit-talb u s-sawm, u jistqarru dnubhom. Il-profeta jinsisti fuq l-indiema tal-qalb: “Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” (2:12).
Nerġgħu lura lejn il-Mulej “bi qlubna kollha” ifisser naqbdu mhux mixja ta’ konverżjoni superfiċjali u transitorja, imma mixja spiritwali li tmiss l-aktar post intimu tal-persuna tagħna. Fil-fatt, il-qalb hi s-sede tas-sentimenti tagħna, iċ-ċentru li fih jitrawmu l-għażliet tagħna, l-atteġġjamenti tagħna. Dik l-“erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” m’hix biss għall-persuni singoli, imma titwessa’ għall-komunità sħiħa, hi sejħa għal kulħadd: “Iġbru l-poplu, qaddsu l-ġemgħa, għajtu ’x-xjuħ, iġbru t-tfal, u t-trabi tal-ħalib! Ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu u l-għarusa mill-kmajra tagħha!” (Goel 2, v. 16).
Il-profeta jieqaf b’mod partikulari fuq it-talba tas-saċerdoti, u josserva li din għandha tkun imsieħba mid-dmugħ. Jagħmlilna tajjeb, lilna lkoll, imma speċjalment lis-saċerdoti, fil-bidu ta’ dan ir-Randan, li nitolbu d-don tad-dmugħ, biex hekk it-talba u l-mixja tal-konverżjoni tagħna nagħmluhom dejjem iżjed awtentiċi u bla wiċċ b’ieħor. Fis-silta minn Mattew, ukoll fil-liturgija ta’ Ras ir-Randan, Ġesù jaqra mill-ġdid it-tliet opri ta’ tjieba li nsibu fil-liġi ta’ Mosè: il-karità, it-talb u s-sawm. U jiddistingwi l-fatt estern minn dak intern, minn dak il-biki tal-qalb. Ġesù jfakkar f’tentazzjoni komuni f’dawn it-tliet opri, li nistgħu niġbruha sewwa sew fl-ipokrezija jew il-wiċċ b’ieħor (dan isemmih għal tliet darbiet): “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom… Meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor… Meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bil–wieqfa… biex jidhru quddiem in-nies… Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor” (Mt 6:1,2,5,16).
Meta nagħmlu xi ħaġa tajba, kważi istintivament titnissel fina x-xewqa li niġu stmati u ammirati għal din l-azzjoni tajba, biex minnha nieħdu sodisfazzjon. Ġesù jistedinna nwettqu dawn l-opri bla ma noqogħdu nidhru ħafna, u nafdaw biss fil-ħlas tal-Missier “li jara dak li hu fil-moħbi” (Mt 6:4,6,18).
Għeżież ħuti, il-Mulej qatt ma jegħja juri ħniena magħna, u jrid joffrilna għal darb’oħra l-maħfra tiegħu – kollha għandna bżonnha – hu u jistedinna nerġgħu nduru lejH b’qalb ġdida, imsoffija mill-ħażen, imsoffija bid-dmugħ, biex nieħdu sehem fil-ferħ tiegħu. Kif nilqgħuha din l-istedina? Jissuġġerilna San Pawl: “Nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: ‘Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu’” (2 Kor 5:20). Dan l-isforz ta’ konverżjoni m’hux sempliċi ħidma umana, imma jfisser li nħallu lil Alla jirrikonċiljana miegħu. Ir-rikonċiljazzjoni bejna u bejn Alla hi possibbli grazzi għall-ħniena tal-Missier li, fi mħabbtu għalina, ma qagħadx lura milli jissagrifika lil Ibnu l-waħdieni. Fil-fatt Kristu, li kien ġust u bla dnub, għalina sar dnub (v. 21) meta fuq is-salib tgħabba bi dnubietna, u hekk fdiena u ġġustifikana quddiem Alla. “FiH” aħna nistgħu nsiru ġusti, fiH nistgħu ninbidlu, jekk nilqgħu l-grazzja ta’ Alla u ma nħallux li “iż-żmien it-tajjeb” (6:2) jiġi għalxejn.
B’dan l-għarfien, ejjew nibdew kollna fiduċja u ferħ il-mixja tar-Randan. Marija Omm Immakulata, bla dnub, twieżen hi l-ġlieda spiritwali tagħna kontra d-dnub, isseħibna hi f’dan iż-żmien it-tajjeb, biex għad nistgħu naslu ngħannu flimkien il-ferħ tar-rebħa f’jum l-Għid. Is-sejħa għall-konverżjoni allura timbuttana biex induru lura, kif għamel l-iben tal-parabbola, f’dirgħajn Alla, Missier kollu ħlewwa u ħniena, biex nibku mdawrin minn dik it-tħaddina, nafdaw fiH u nafdaw ruħna f’idejH.
Fr Claude