It-Tieni Ħadd tar-Randan

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien: Il-Mulej ħareġ lil Abram ’il barra u qallu: «Ħares
sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila
tgħoddhom.» U żied jgħidlu: «Hekk għad ikun nislek.» U Abram
emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.
U qallu: «Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik
din l-art b’wirt.» U qallu Abram: «Sidi Mulej, kif inkun naf li se
niritha?» U wieġbu: «Ħudli għoġla ta’ tliet snin, mogħża ta’ tliet
snin, muntun ta’ tliet snin, gamiema u ħamiema.»
U ħadlu dawn kollha, u qasamhom min-nofs, u kull nofs qiegħdu
biswit l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx. U niżlu l-għasafar
tal-priża għal fuq l-iġsma mejtin, imma Abram gerrixhom lura.
Hi u nieżla x-xemx waqa’ fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu
biża’ u dalma kbira.
Meta x-xemx kienet niżlet u kien dalam, kenur idaħħan u lsien
nar iżiġġ qasmu minn bejn il-bċejjeċ tal-laħam. Dakinhar il-Mulej
għamel patt ma’ Abram u qallu: «Lil nislek nagħti din l-art,
mix-xmara tal-Eġittu sax-xmara l-kbira, ix-xmara tal-Ewfrat.»

Salm Responsorjali

Rl. : Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi,
quddiem min għandi nitwerwer? Rl.

Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
ħenn għalija u weġibni.
«Ejja» għedt f’qalbi, «fittex ’il wiċċi!»
Jien wiċċek infittex, Mulej. Rl.

La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna tiegħi.
tħallinix u titlaqnix,
Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Rl.

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama fil-Mulej. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skont l-eżempju li rajtu
fina. Għaliex hawn ħafna – dan għedthulkom bosta drabi, imma
issa ntennihulkom bid-dmugħ f’għajnejja – li jġibu ruħhom bħal
għedewwa tas-salib ta’ Kristu. It-telfien għad ikun tmiemhom; alla
tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu, u
moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja.
Imma aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh
jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna
l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa
tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.
Għalhekk, intom, ħuti li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u
kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:
«Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu!»
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu,
u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra
ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.
U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru
fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.
Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin
sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.
Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù:
«Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined,
waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.» Ma kienx jaf
x’inhu jgħid.
Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma
beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid:
«Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!»
Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew
is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak
li kienu raw.

About the author

Ikkummenta