L-Ewwel Ħadd tar-Randan

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: «Il-qassis imbagħad jilqa’ minn idejk
il-qoffa, u jqegħedha quddiem l-artal tal-Mulej, Alla tiegħek. Inti
mbagħad tgħid hekk quddiem il-Mulej, Alla tiegħek:
“Missieri kien minn Aram, jiġġerra minn post għal ieħor; imbagħad
niżel l-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien l-għadd ta’ niesu, iżda
hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran. L-Eġizzjani ħaqruna,
għakksuna, għabbewna b’xogħol iebes; imma aħna għajjatna
lill-Mulej, Alla ta’ missirijietna, u l-Mulej sama’ l-għajta tagħna, ra
t-tgħakkis u t-tbatija u d-dwejjaq tagħna, u ħariġna l-Mulej
mill-Eġittu, b’id qawwija, bi driegħ merfugħ, b’biża’ kbir, b’sinjali
u b’għeġubijiet, u daħħalna f’dan il-post, tana din l-art, art tnixxi
ħalib u għasel. U issa, ara, jiena ġibt l-ewwel frott tal-art li tajtni int,
Mulej.”
U int tqiegħdu quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tadura lill-Mulej,
Alla tiegħek.»

Salm Responsorjali

Rl. : Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli,
li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,
għid lill-Mulej: «Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,
Alla tiegħi, jien fik nittama.» Rl.

Ebda deni ma jiġrilek,
ebda ħsara ma tersaq lejn darek.
Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek,
u jħarsuk fi triqatek kollha. Rl.

Fuq idejhom jerfgħuk,
li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.
Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi,
ferħ ta’ ljun u serp int tirfes. Rl.

«La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;
la għaraf ismi, jiena nħarsu.
Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;
miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu,
neħilsu u nerfagħlu ġieħu.» Rl.

It-Tieni Qari

Stqarrija tal-fidi ta’ min jemmen fi Kristu.

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, xi tgħid l-Iskrittura? «Il-kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u
qalbek»; jiġifieri, il-kelma tal-fidi li aħna nxandru. Għax jekk inti
tistqarr b’fommok, «Ġesù hu l-Mulej!», u temmen b’qalbek li Alla
qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu
l-ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni.
L-Iskrittura tgħid: «Kull min jemmen fih ma jintilifx.» Ma hemmx
għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk
kollha li jsejħulu. Għax: «Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.»

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura
mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum
Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u
mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu:
«Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.» Wieġbu Ġesù:
«Hemm miktub: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.”»
Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha
f’daqqa. Qallu x-Xitan: «Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha,
bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min
irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.»
Ġesù wieġbu u qallu: «Hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek,
tadura, u lilu biss taqdi.”»
Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata
tat-tempju, u qallu: «Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal
isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu
ħsiebek sewwa,” u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek
ma’ xi ġebla.”» Wieġeb Ġesù u qallu: «Jingħad: “Iġġarrabx
lill-Mulej Alla tiegħek.”»
Imbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh
sa ma wasal il-waqt.

About the author

Ikkummenta