Fl-1966 il-Beatu Pawlu VI Papa rriforma l-forma tal-penitenza fil-Kostituzzjoni Appostolika dwar il-penitenza (Poenitemini). Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika tal- 1983 inkuda l-bidliet li għamel il-Beatu Pawlu VI Papa.
Fil-qosor dawn il-bidliet ifissru li l-Insara Kattoliċi li għalqu t-18-il sena iżda m’għalqux is-60 sena huma obbligati li jsumu darbtejn: nhar L-Erbgħa tar- Rmied fil-Bidu tar-Randan Imqaddes (Ras ir-Randan) u fil-Ġimgħa l-Kbira.
Barra minn hekk l-Insara Kattoliċi kollha minn 14-il sena ’l fuq huma obbilgati li ma jieklux laħam fl-Erbgħa tar-Rmied (Ras ir-Randan), fil-Ġimgħa l-Kbira u kull nhar ta’ Ġimgħa matul iż-żmien kollu tar-Randan.
Is-Sawm ifisser li tittiekel ikla waħda sħiħa f’ġurnata. Jista’ jittiekel xi ikel ieħor iżda mhux ikla sħiħa f’xi ħinijiet tal-ġurnata.
L-Astinenza mill-ikel tal-laħam tipprojbixxi kull użu tal-laħam fl-ikel.
Ta’ kull sena l-Knisja tfakkarna f’dan l-obbligu tagħna u fl-osservzana tiegħu fil-ġranet imsemmija. Iżda ħadd m’għandu jintrabat bi skrupli żejda jekk għal raġunijiet validi ma jkunx jista’ jsum jew jastjeni mill-ikel tal-laħam. Il-Knisja tfakkarna wkoll li hemm uħud li huma skużati meta ma josservawx dawn l- obbligi minħabba mard jew raġunijiet oħra.
Fil-Kostituzzjoni Appostolika tiegħu, il-Beatu Pawlu VI Papa jfakkarna fil-liġi ta’ Alla li tħeġġiġna biex nagħmlu penitenza, b’mod speċjali bi tpattija għal dnubietna aħna u nitolbu maħfra lil Alla. Iżda ma’ dawn il-penitenzi hemm ukoll il-ħtieġa tal-maħfra u l-mogħdrija u l-imħabba konkreta lejn il-proxxmu tagħna kollu fil-mod kif inġiebu ruħna miegħu.
Fl-1985, “Il-Konferenza Episkopali Maltija wara li eżaminat il-Kanoni 1251 u ċ- ċirkostanzi attwali taż-żewġ djoċesijiet iddeċidiet li tagħti din in-norma dwar l- astineza:
l-astinenza biex jiġi mħares l-obbligu tal-penitenza tista’ titwettaq billi wieħed:
a.) ma jiekolx laħam;
b.) jastjeni ruħu minn xorb alkoħoliku; ċ.) ma jpejjipx;
d.) jiċċaħħad minn xi divertiment;
e.) jieħu sehem f’Quddiesa, jew jagħmel il-Via Sacra; f.) jitlob aktar mal-famlija e.g. igħid ir-Rużarju;
ġ.) jaqra l-Iskrittura Mqaddsa; ħ.) irażżan l-infiq u jagħti karità;
i.) iżur il-morda jew ix-xjuħ li huma weħidhom.”
Jixraq ukoll li matul dan iż-żmien imqaddes nisimgħu ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla fl-eżerċizzi, nieħdu iktar paċenzja b’xulxin, per eżempju l-mod kif inġibu ruħna mal-membri tal-familji tagħna u fuq il-postijiet tax-xogħol, inkunu kalmi u iktar osservanti tar-regoli tat-traffiku waqt is-sewqan, moderazzjoni fl-użu tal-internet u t-telephones ċellulari biex nagħtu iktar importanza u attenzjoni lil dawk li jinsabu fiżikament magħna. Huwa ta’ valur kbir wkoll għalina li niċċaħħdu, għax irridu, minn ħwejjeġ li jogħġbuna, imqar għal ftit ħin f’ġurnata.
Dan kollu jista’ jgħinna biex inrażżnu l-aptiti u l-burdati tagħna u l-attenzjoni żejda għal dak li mhux indispensabbli filwaqt li nagħtu iktar importanza, napprezzaw lil, u nkunu grati lejn, dawk li huma iktar importanti f’ħajjitna, l- ewwel u qabel kollox Alla l-imbierek li ħabbna u bagħat lill-Ibnu biex jurina mħabbtu bil-passjoni u l-mewt tiegħu.
Is-Sawm u l-Penitenza ma rridux inħarsu lejhom biss bħala forom ta’ ċaħda iżda bħala gwadann fil-ħajja tagħna kollha kemm hi; bħala mezz kif nerġgħu inqumu b’enerġija ġdida li nagħmlu t-tajjeb għalina nfusna u l-ġid lil ta’ madwarna, ġid li kultant nitilfu minħabba r-rutina u l-għaġġla tal-ħajja li lkoll ngħixu. Is-Sawm u l-Penitenza huma mezzi li Alla joffrilna biex mill-ġdid inħarsu lejn il-mera tiegħu u nagħrfu mill-ġdid is-sbuħija tagħna bħala persuni u bħala komunità, mhux kif naraw lilna nfusna aħna jew skont il-mudelli li timponi fuqna ċertu tip ta’ kultura, iżda kif jarana Alla nnifsu li jħobbna bi mħabba bla qjies.
Fr Michael Bugeja