Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

Salm Responsorjali

Rl. : Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
«F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!» Rl.

Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli idejja u riġlejja;
nista’ ngħodd għadmi kollu. Rl.

Ħwejġi jaqsmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni! Rl.

Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!
ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ġesù Kristu  li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom,
u kull ilsien jistqarr:
«Ġesù Kristu hu l-Mulej,»
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Luqa
K Meta sar il-ħin, Ġesù qagħad fuq il-mejda flimkien
mal-appostli, u qalilhom:
+ «Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom
qabel ma nbati! Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m’iniex se
nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta’
Alla.»
K U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal:
+ «Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. Għaliex, ngħidilkom,
minn issa ’l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa
ma tiġi s-Saltna ta’ Alla.»
K Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal:
+ «Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira
tiegħi.»
K Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal:
+ «Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred
għalikom. Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi
fuq il-mejda. Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm
maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih!»
K Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien
se jagħmel dan. Inqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min
minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed. Imma hu
qalilhom:
+ «Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu
s-setgħa fuqhom isejħulhom benefatturi. Intom mhux hekk,
imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed, u
min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej. Għax min hu l-akbar,
dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? Mhux
dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha
ta’ qaddej. Intom, imbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ
miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna
għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, biex tieklu u tixorbu
fuq il-mejda miegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex
tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.
Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom
mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi
tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura
għas-sewwa, wettaq lil ħutek.»
K Qallu Xmun:
S «Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu
l-mewt ukoll.»
K Imma Ġesù qallu:
«Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt
għal tliet darbiet li inti tafni.»
K Imbagħad qalilhom:
+ «Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla
qorq?»
K Huma weġbuh:
S «Ma naqasna xejn.»
K Qalilhom Ġesù:
+ «Imma issa, min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min
għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta’
fuqu u jixtri wieħed. Għaliex ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ
fija dak li hemm miktub, jiġifieri: “Li kien magħdud
mal-ħżiena.” Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ.»
K Qalulu d-dixxipli:
S «Mulej, ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk.»
K Qalilhom Ġesù:
+ «Biżżejjed!»
K Imbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u
d-dixxipli wkoll marru miegħu.  Kif wasal hemmhekk
qalilhom:
+ «Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib.»
K Imbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta’ ġebla, u nxteħet
għarkupptejh jitlob u jgħid:
+ «Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun
magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.»
K Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, imma hu ħass
dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq
sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art. Imbagħad qam
mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba
s-swied ta’ qalb. U qalilhom:
+ «Kif! Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!»
K Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien
hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn
Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu:
+ «Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?»
K Dawk ta’ madwaru, meta raw x’kien ġej, qalulu:
S «Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?»
K U wieħed minnhom ta daqqa ta’ sejf lill-qaddej tal-qassis
il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Imma Ġesù qal:
+ «Ieqfu! Biżżejjed!»
K U messlu widintu u fejqu. Imbagħad Ġesù qal lill-qassisin
il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih:
+ «Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! Meta
kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom
fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!»
K Imbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh
fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa’ miexi warajhom
mill-bogħod. Meta mbagħad qabbdu n-nar f’nofs il-bitħa
u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda
f’nofshom. Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar,
ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet:
S «Dan ukoll kien miegħu!»
K Iżda hu ċaħad u qalilha:
S «Mara, anqas biss nafu!»
K Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu:
S «Int ukoll wieħed minnhom.»
K Imma Pietru wieġbu:
S «Le, sieħeb, m’iniex!»
K Għaddiet xi siegħa u raġa’ kien hemm ieħor li beda jisħaq u
jgħid:
S «Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll
mill-Galilija.»
K Iżda Pietru qallu:
S «Ma nafx x’inti tgħid, sieħeb.»
K U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden.
U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li
l-Mulej kien qallu: «Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun
ġa ċħadtni tliet darbiet.»  U ħareġ ‘il barra jibki b’qalbu
maqsuma.
L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh
biż-żufjett u jsawtuh, u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u
jgħidulu:
S «Aqta’ min tahielek din id-daqqa!»
K U qagħdu jgħajruh b’ħafna kliem ieħor. Meta sebaħ, iltaqgħet
il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u
ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. U qalulu:
S «Jekk inti l-Messija, għidilna.»
K Iżda hu weġibhom:
+ «Jekk ngħidilkom, ma temmnux; jekk nistaqsikom, ma
tweġbux. Imma minn issa ’l quddiem Bin il-bniedem ikun
bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Alla li jista’ kollox.»
K U lkoll qalulu:
S «Inti mela l-Iben ta’ Alla?»
K Qalilhom Ġesù:
+ «Intom stess qegħdin tgħiduh; iva, jien.»
K U huma qalu:
S «Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Għax smajnieha aħna minn
fommu stess.»
K Imbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu.

K U bdew jakkużawh u jgħidu:
S «Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens
tagħna, li mhuwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil ċesari,
u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan.»
K Pilatu staqsieh u qallu:
S «Inti s-sultan tal-Lhud?»
K U hu wieġbu:
+ «Inti qiegħed tgħidu.»
K Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies:
S «Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem.»
K Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu:
S «Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda
mill-Galilija sa hawnhekk stess.»
K Kif sama’ dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-
Galilija,  u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel
minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f’dawk il-jiem Erodi
wkoll kien Ġerusalemm. Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù,
għax minn dak li kien sama’ fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah,
bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal. U għamillu bosta
mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn. Il-qassisin il-kbar u
l-kittieba, b’saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh. Imma
Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih
biż-żufjett, libbsu libsa ta’ kulur ilellex u raġa’ bagħtu quddiem
Pilatu. Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin,
imma dakinhar saru ħbieb.
Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu
u qalilhom:
S «Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed
ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq
l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija
fih. U anqas Erodi ma sab, għax raġa’ bagħtu quddiemna.
Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt.
Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu.»
K Iżda huma qabdu jgħajtu lkoll f’daqqa:
S «Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna ’l Barabba!»
K Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li
kienet qamet fil-belt għax kien qatel. Pilatu, billi ried jitlaq lil
Ġesù, għolla leħnu u raġa’ kellimhom; iżda huma qabdu
jgħajtu aktar minnu u jgħidu:
S «Sallbu! Sallbu!»
K Għat-tielet darba qalilhom:
S «Imma dan x’għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha
l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu.»
K Iżda huma b’ħafna għajjat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun
imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. Għalhekk Pilatu
qatagħha li jsir kif talbu huma. Telqilhom lil min talbu, jiġifieri
lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil
Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.
Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn ċireni, li
kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara
Ġesù. Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien
hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma
Ġesù dar lejhom u qalilhom:
+ «Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom
infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta
jgħidu: “Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma
wiled u s-sider li qatt ma redda!” Imbagħad jibdew jgħidu
lill-muntanji: “Aqgħu fuqna!”, u lill-għoljiet: “Ordmuna!”
Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu
aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?»
K Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom
għall-mewt miegħu. Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa,
sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u
l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal:
+ «Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.»
K Imbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom.
Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku
b’Ġesù u jgħidu:
S «Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija,
il-Maħtur ta’ Alla!»
K Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh,
newlulu nbid qares u qalulu:
S «Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!»
K Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: «Dan huwa
s-sultan tal-Lhud.» Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin
miegħu beda jgħajru u jgħidlu:
S «Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.»
K Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu:
S «Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess
kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li
ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.»
K Imbagħad qal:
S «Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.»
K U Ġesù wieġbu:
+ «Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.»
K Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż
kollu sad-disa’ siegħa, għax ix-xemx iddallmet. Il-velu
tas-santwarju ċċarrat min-nofs. Imbagħad Ġesù għajjat għajta
kbira u qal:
+ «Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.»
K U kif qal hekk, ħarġet ruħu.
Hawnhekk kulħadd jinżel għarkopptejh
u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
K Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid:
S «Tassew li dan bniedem ġust!»
K U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw
dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom. 49 Dawk kollha
li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi
nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.
K U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill,
imma raġel tajjeb u ġust, li ma kienx qabel mal-membri l-oħra
f’dak li riedu u f’dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt
tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta’ Alla. Dan mar għand
Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù; niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar,
u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma
tqiegħed ħadd. Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien
għoddu beda. In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù
marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu
l-katavru; imbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra.
Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skont il-preċett tal-Liġi.

About the author

Ikkummenta