Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Ġożwè: «Illum jien neħħejtilkom
minn fuqkom l-għajb tal-Eġittu.»
Ulied Iżrael waqqfu l-kamp tagħhom f’Gilgal. Hemm, fil-witat ta’
Ġeriko, għamlu l-Għid filgħaxija tal-erbatax tax-xahar.
U sewwa sew l-għada tal-Għid, huma kielu mill-frott tal-art: ħobż
ażżmu u qamħ inkaljat.
Minn dakinhar, wara li kielu mill-frott tal-art, il-manna waqfet.
Ulied Iżrael ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew
jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta’ Kangħan.

Salm Responsorjali

Rl. : Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. Rl.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. Rl.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim
għadda u daħal il-ġdid.
Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu
u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla
kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma
qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din
il-ħbiberija.
Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess
qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu:
Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu.
Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex
aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu:
Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom
lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba
kienu jgemgmu u jgħidu: «Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol
magħhom!»
U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: «Kien hemm raġel li
kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini s-sehem
li jmiss lili mill-ġid.” U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew
wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż
imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela
kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu
fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu
fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar
bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri
għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!
Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra
s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni
b’wieħed mil-lavranti tiegħek.” Qam, u telaq għal għand missieru.
Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja
waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: “Missier, dnibt
kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.”
Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa
u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu
l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan
ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!” U għamlu festa.
Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib
id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh
dak x’kien. Dak qallu: “Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol
l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.” Hu inkorla, u ma
riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal
lil missieru: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma
ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ
ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa
żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen.” Qallu missieru: “Ibni,
inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien
meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’
qam, kien mitluf u nstab!”»

About the author

Ikkummenta