You are here: Home › Liturġija › Il-Ħames Ħadd tar-Randan Il-Ħames Ħadd tar-Randan

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej,
li fetaħ triq fil-baħar,
mogħdija fl-ilmijiet qawwija;
dak li ħareġ karrijiet u żwiemel,
eżerċti u rġiel qalbiena f’daqqa;
inxteħtu fl-art, biex aktar ma qamux;
inħlew bħal ftila, u ntfew:
«La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi;
la taħsbux fuq dak li ġara qabel.
Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida:
feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?
Se niftaħ triq fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert.
Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi,
ix-xakalli u wlied in-ngħam,
għax noħroġ l-ilma fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert,
biex nisqi l-poplu tiegħi,
il-maħtur tiegħi,
il-poplu li sawwart għalija,
biex ixandar it-tifħir tiegħi.»

Salm Responsorjali

Rl. : Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajjat ta’ ferħ ilsienna. Rl.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
«Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom.»
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. Rl.

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. Rl.

Huma u sejrin, imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ.
iġorru l-qatet f’idejhom. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm
filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u
ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih;
mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi,
iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u
mibnija fuq il-fidi. Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu
mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-
mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet.
M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross ’il
quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma
jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa lil
ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm
quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li
għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,
għax jien twajjeb u ħanin.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada
qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu
qagħad bilqiegħda jgħallimhom.
Imbagħad il-kittieba u l-fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li
kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu:
«Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi
tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma,
xi tgħid?» Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.
Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi
dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: «Min fostkom hu bla
dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.» U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab.
Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda
mix-xjuħ.
Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha:
«Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?»
«Ħadd, Sinjur,» qaltlu. «Mela anqas jien ma nikkundannak,»
qalilha Ġesù. «Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.»

About the author

Ikkummenta