Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba minn Perge baqgħu sejrin sa ma
waslu f’Antjokja ta’ Pisidja. F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu
bilqiegħda. U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm
mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma’ Pawlu u ma’
Barnaba, u dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.
Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma’ l-kelma
tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għira u bdew imieru
lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu:
«Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel.
Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx
il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna
l-Mulej: “Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa
truf l-art.”»
Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma
tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem
emmnu. Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha.
Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat
tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u
keċċewhom ‘il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab
minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u
bl-Ispirtu s-Santu.

Salm Responsorjali

Rl. : Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. Rl.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla:
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. Rl.

Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’
jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin
quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u
bil-friegħi tal-palm f’idejhom.
U wieħed mix-Xjuħ qalli: «Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit
il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm
tal-Ħaruf. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar
jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom
jgħammru taħt il-kenn tiegħu.
Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar;
ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma,
ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron,
ikun ir-ragħaj tagħhom;
u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja.
U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.»

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.

Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: «In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena
nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u
minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.
Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’
jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.»

About the author

Ikkummenta