L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Melkisedek, sultan ta’ Salem, li kien qassis ta’
El-għeljon, Alla l-għoli, ħareġ bil-ħobż u l-inbid. U bierek lil Abram
u qallu:
«Imbierek Abram minn Alla l-għoli,
li għamel is-sema u l-art.
U mbierek Alla l-għoli
li reħa f’idejk l-għedewwa tiegħek.»
U Abram tah l-għexur minn kollox.
Salm Responsorjali
Rl. : Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek
Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:
«Oqgħod fuq leminti,
sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek
mirfes taħt riġlejk.» Rl.
Ix-xettru tal-qawwa tiegħek
jibgħat il-Mulej minn Sijon:
aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek! Rl.
Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek
fuq l-għoljiet imqaddsa,
sa minn qabel is-sebħ
bħan-nida jien nissiltek. Rl.
Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih:
«Inti qassis għal dejjem
bħal Melkisedek!» Rl.
It-Tieni Qari
Kull meta tieklu u tixorbu, ixxandru l-mewt tal-Mulej.
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom,
jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li
radd il-ħajr qasmu u qal: «Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu
dan b’tifkira tiegħi.»
Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: «Dan il-kalċi hu l-patt
il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.»
Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom
ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.
Sekwenza
Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.
Bi xbihat kien ilu mħabbar,
f’dik l-offerta ta’ Iżakk,
fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,
u fil-manna tad-deżert.
Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
Int itmagħna u ħarisna:
Inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.
Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.
Ammen. Hallelujah.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Kulħadd kiel u xaba’.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla,
u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan.
Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu:
«Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex
isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post
imwarrab.»
Iżda hu qalilhom: «Agħtuhom intom x’jieklu.» Qalulu: «Ma
għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas
ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!»
Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli
tiegħu: «Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin.» Hekk għamlu,
u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.
Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn
is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex
inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż
li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.