L-Ewwel Qari
Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien
għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud
fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu
lill-appostli li hu kien għażel.
Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj;
f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ
tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma
jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ
il-wegħda tal-Missier, «li fuqha – qalilhom – smajtu x’kont
għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra
titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.»
Kif kienu flimkien staqsewh: «Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se
terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?» Hu weġibhom: «Mhijiex biċċa
tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa
tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu
l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha
u s-Samarija u sa truf l-art.»
Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba
ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.
Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa
waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom:
«Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien
meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.»
Salm Responsorjali
Rl. : Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ
Popli kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. Rl.
Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. Rl.
Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu
biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa
jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien
għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena
fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien
ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.
Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet,
biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub
għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir
il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss
biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra,
mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin
jistennewh bil-ħerqa.
Ladarba, ħuti, għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-
saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li
hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess; u ladarba
għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed fuq il-familja ta’ Alla, ejjew
nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn
kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi. Inżommu sħiħ
fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li
għamlilna l-wegħda.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Għeluq tal-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Hekk kien miktub,
li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema
għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn
Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom
lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla
jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.»
Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u berikhom. U
ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema.
Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu
lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil
Alla.