Dan ix-xahar flok il-messaġġ mill-Kappillan, għandna messaġġ minn Fr Gilbert Scicluna, id-djaknu li fid-29 ta’ dan ix-xahar ser jiġi ordnat saċerdot.
Jekk Alla jrid, jien flimkien ma’ sħabi ser niġu ordnati qassisin nhar id-29 ta’ Ġunju li ġej. Ġurnata li ilna nippreparaw għaliha, mhux daqstant għall-ġurnata fiha nnifisha, daqskemm għax din il-ġurnata ser timmarka xi ħaġa ġdida fil-ħajja tagħna: il-bidu ta’ ħajja saċerdotali u l-missjoni li din iġġib magħha. Hija ġurnata importanti wkoll għall-Knisja f’Malta għax id-don ta’ qassisin ġodda mhuwiex rigal sabiħ għall-persuni li jsiru qassisin biss, imma hu rigal sabiħ għall-komunità nisranija kollha li tilqagħna bħala rigal ta’ Alla għall-qadi tagħha.
Ta’ kull sena, dawk li ser ikunu ordnati saċerdoti jagħżlu sentenza mill-Bibbja biex tgħinhom fil-preparazzjoni għall-ordinazzjoni u sservi ta’ pjan għall-ħajja tagħhom bħala qassisin. Billi dakinhar hija l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, ridna nsibu sentenza mill-qari tal-ġurnata. U għajnejna waqgħu fuq din il-frażi mill-Atti tal-Appostli, “Dawwar il-mantar miegħek u ejja warajja” (12, 8). F’dan l-episodju, insibu li Pietru safa arrestat minn Erodi għax kien qiegħed jipprietka fuq Ġesù. Iżda matul il-lejl, waqt li Pietru kien rieqed bejn żewġ suldati, Alla bagħatlu anġlu biex jeħilsu mill-ħabs. L-anġlu jqajjem lil Pietru, jgħidlu dawn il-kliem u jmexxih ’il barra mill-ħabs.
Forsi tistaqsu kif waqgħalna f’moħħna nagħżlu din is-sentenza. U jkollkom raġun għax ir-raġuni mhijiex ovvja. Imma fil-Bibbja, il-mantar huwa sinjal tas-sejħa ta’ Alla, simbolu tal-missjoni li persuna ġie fdat biha u tal-qawwa li Alla jagħti ma’ din il-missjoni. Huwa simbolu li nsibuh użat mill-profeti, bħal Samwel, Elija u Eliżew. Huwa wkoll simbolu li jintuża fl-Evanġelju: Ġesù, fl-aħħar ċena, ineħħi l-mantar u jaħsel saqajn l-appostli u, waqt il-passjoni, jitlibbes mantar aħmar skur.
B’xi mod dawn huma kollha aspetti li l-qassis irid jgħix fil-ħajja tiegħu. Il-qassis huwa bniedem komuni imma li Alla jagħżlu biex iwettaq missjoni importanti fil-komunità, dik li, f’ismu, jkun saċerdot, profeta u ragħaj. Ikun saċerdot billi jkun bħal kanal biex permezz tiegħu Alla jkun jista’ jwassal il-grazzja tiegħu, b’mod speċjali permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija u tas-sagramenti.
Ikun profeta għax il-qassis għandu l-irwol li jxandar il-Kelma ta’ Alla u jgħallem lill-poplu. Dan jagħmlu f’ħafna ċirkostanzi—laqgħat ta’ formazzjoni, gruppi fil-parroċċa, artikli li jikteb, waqt programmi tat-televixin jew radju—imma b’mod speċjali permezz tal-omelija waqt il-quddiesa u permezz tal-ħajja kollha tiegħu li tkun tirrifletti l-mod ta’ ħajja ta’ Ġesù.
Il-qassis ikun ragħaj għax, f’isem Kristu imexxi l-poplu ta’ Alla. Dan jagħmlu mhux biss fuq livell prattiku ta’ amministrazzjoni, qisu bħal manager ta’ kumpanija kbira li tissejjaħ il-parroċċa. Hu jkun ragħaj tal-poplu għax, bħar-Ragħaj it-Tajjeb, il-qassis irid jagħti ħajtu għall-merħla. Wieħed jittama li ma jkollux għalfejn imut għalihom! Il-qassis jagħti ħajtu billi jiddedika ħajtu għall-komunità, billi jqiegħed lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-komunità u jkun qaddej tagħha.
Bil-qawwa tagħna ta’ bnedmin biss żgur m’aħniex kapaċi għal dan kollu. Din il-missjoni tkun possibbli li ngħixuha jekk indawru l-mantar—ċioè, jekk nilqgħu l-missjoni li jrid jafdalna Alla—u nimxu warajh. Kif ser jgħidilna l-Arċisqof meta, waqt ir-rit tal-ordinazzjoni, jagħtina f’idejna l-offerti tal-ħobż u l-inbid, “Ilqa’ l-offerta tal-poplu qaddis li ser issir lil Alla. Ifhem sewwa dak li tagħmel. Fassal ħajtek fuq dak li jkollok f’idejk, agħmel li ħajtek tkun tixbah il-misteru tas-salib tal-Mulej.”
Filwaqt li nirringrazzjakom tal-akkoljenza tagħkom matul l-esperjenza tad-djakonat fil-parroċċa, nitlobkom biex tkomplu titolbu għalija u għas-seba’ sħabi l-oħra li ser niġu ordnati saċerdoti flimkien fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann sabiex inkunu tassew saċerdoti skont il-qalb ħanina ta’ Alla.
Fr Gilbert Scicluna