It-Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu.

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija
Dan jgħid il-Mulej: «Fuq id-dar ta’ David u fuq dawk li jgħammru
f’Ġerusalemm insawwab spirtu ta’ ħniena u talb. U huma jħarsu lejn
dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u
jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir.
Dakinhar il-biki ta’ Ġerusalemm ikun kbir daqs il-biki ta’
Ħadad-rimmon fil-wita ta’ Megiddo.
Dakinhar jiġri li tinfetaħ għajn għad-dar ta’ David u għan-nies ta’
Ġerusalemm, biex jindafu mill-ħtijiet u mit-tinġis.»

Salm Responsorjali

Rl. : Ruħi bil-għatx għalik, Mulej, Alla tiegħi

Alla, Alla tiegħi int;
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. Rl.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. Rl.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. Rl.

Għax int kont għajnuna għalija,
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi,
int tweżinni bil-leminija tiegħek. Rl.

It-Tieni Qari

Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu.

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu
Ġesù. Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu.
Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas
ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda
fi Kristu Ġesù.
Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta
skont il-wegħda.

Hallelujah. Rl. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

“Inti l-Messija ta’ Alla.” Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, waqt li Ġesù kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu
d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: «Min jgħidu n-nies li jien?»
Huma weġbuh u qalulu: «Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn,
li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi.»
Qalilhom: «Imma intom min tgħidu li jien?» Qabeż Pietru u qallu:
«Inti l-Messija ta’ Alla.»
Imbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd
b’dan. U qalilhom: «Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh
ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.»
Darba qal lil kulħadd: «Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad
lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva
ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.»

About the author

Ikkummenta