Qari mill-Ktieb tal-profeta Isaija. 66, 10-14
Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha,
Intom ilkoll ħbieb tagħha !
Aqbżu bil-ferħ,
Intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha !
Hekk intom terdgħu u tixbgħu minn sider il-faraġ tagħha;
terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha.”
Għaliex dan jgħid il-Mulej: “Arani!
Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,
u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.
U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,
u jżiegħlu bikom fuq l-irkubbtejn.
Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena
nfarraġ lilkom
u f’Ġerusalemm titfarrġu.
Taraw u tifraħ qalbkom,
u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;
u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej.
Is-Salm Responsorjali
Ritornell : Għajtu bil-ferħ lil Alla.
Għajjtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!
Għall-kobor tal-qawwa tiegħek
jitilfu l-ħila quddiemek l-għedewwa tiegħek.
L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek.”
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin.
Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem.
Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Mbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!
It-Tieni Qari
Għeluq l-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin. 6, 14-18
Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi, ħlief il-ħolqien ġdid. U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, u wkoll fuq Iżrael ta’ Alla.
Mil-lum ‘il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu.
Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Amen.
Evanġelju
Versett: Hallelujah. Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna, u ’l dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jkunu wlied Alla. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. 10, 1-12; 17-20
Wara dan, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Is-sliem lil din id-dar.’ U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom.
Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.’ Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu, ‘Sa t-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet.’ Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.
It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek!” U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta’ l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. [Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.”