Parroċċa San Ġiljan 125 Sena Anniversarju (1891-2016)

L-ewwel ħjiel ta’ knisja iddedikata lil San Ġiljan Ospidalier fl-inħawi msejħa ‘Qaliet Ġnien il-Fieres’ teħodna lura għas-sena 1580. Achille Ferris jagħtina din id-data, filwaqt li jirreferi għall-Knisja ta’ San Ġiljan bħala ‘antichissima’. Kien fil-fatt l-Isqof Gargallo, li fiż-żjara tiegħu fil-Parroċċa ta’ Birkirkara fl-1601, semma għall-ewwel darba knisja ddedikata lil San Ġiljan Konfessur fil-limiti ta’ din il-parroċċa. Dun Filippo Borg, Kappillan ta’ Birkirkara, ikkonferma li l-knisja inbniet mill-ġdid fl-1593 fl-istess post ta’ oħra li kienet iffrekwentata bil-bosta minn ħafna devoti. Borg isemmi li l-Prokuratur tal-Knisja Lorenzo Pullicino ħalla lil ibnu Mattew xi art maġenb il-knisja sabiex permezz tagħha jinxtegħel il-lampier fis-Sibtijiet u l-Ħdud u biex tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġiljan kull 27 ta’ Jannar bil-kant tal-għasar u quddiesa solenni. Borg irrisponda d-domandi tal-prelati fuq l-‘mirakli’ li jingħad li kienu qed iseħħu max-xtut mhux bogħod mill-knisja. Huwa kkonferma li diversi Maltin u barranin devoti tal-qaddis kienu jżuru l-knisja u wara li jitolbu, jinżlu x-xatt biex jinħaslu f’ċertu għadira, jindifnu fir-ramel u wara jsostnu li ġew mnaddfa mill-mard tagħhom.

Il-knisja parrokjali l-antika magħrufa bħala Ta'Lapsi. Ritratt meħud minn ġonna privati.
Il-knisja parrokjali l-antika magħrufa bħala Ta’Lapsi. Ritratt meħud minn ġonna privati.

Monsinjur Salvatore Pontremoli, Vigarju Kapitulari, fiż-żjara li għamel fil-knisja nhar it-8 ta’ Ottubru 1634, jagħtina r-raġuni għalfejn din għadha sal-lum magħrufa bħala ‘Ta’ Lapsi’. Il-vigarju jsemmi li nhar il-festa tal-Axxenzjoni tal-Mulej, madwar 200 ruħ kienu jinġabru l-knisja fejn kienu jiġu ċċelebrati diversi quddisiet. Wara li kienu jgħidu d-devozzjonijiet tagħhom, in-nies kienu jinżlu l-bajja u jqattgħu ġurnata l-baħar u hekk jiftħu l-istaġun tas-sajf.13707553_1055267234543630_7060689941364028170_n

Rapporti ta’ diversi żjarat pastorali tal-Isqfijiet u l-prelati tagħhom jagħtuna dettalji storiċi importanti fuq il-knisja, hekk kif jagħtuna sorsi oħra. Ferris jgħidilna li l-knisja inbniet mill-ġdid fl-1682. Dan hu kkonfermat fi studju dettaljat li għamel n-Nutar Eugene F. Montanaro, li jgħidilna li din inbniet fuq pjanta tal-Perit Vincenzo Casanova u permezz tal-ġenerozita ta’ devot – Baldassare Ciantar, li ħallas is-somma ta’ 120 skud lill-bennej Bartilmew Camilleri. Il-bini tal-knisja sar ukoll bit-tħabrik tal-Prokuraturi Don Mario Haxixa u Domenico Gatt. Din il-binja ma kelliex ħajja twila għaliex fl-1723, l-Isqof Gaspare Gori Mancini kkundanaha għall-għeluq minħabba l-istat ta’ periklu li kienet fiha u ordna li l-beni tagħha jittieħdu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birkirkara fejn kellhom jiġu eżegwiti l-piżijiet tal-fundazzjonijiet imħollija lilha. Il-knisja kienet wieqfa mill-ġdid fl-1730, hekk kif ikkonfermat mill-Isqof Alpheran De Bussan.13754637_10206540196693709_8820373278508190124_n

Is-Seklu XIX kellu jara ħafna tibdiliet f’San Ġiljan, u fost dawn kien hemm il-ħtiġijiet spiritwali tal-poplu. Is-subborg ta’ San Ġiljan ma baqgħax jgħodd biss ftit bdiewa, sajjieda u l-familji tagħhom iżda l-popolazzjoni kibret, tant li fis-sajf dik li kienet tgħodd madwar 50 familja kienet taqbez l-elf ruħ. Il-parruċċani ħafna drabi, kienu qed jibqgħu bla sagramenti għaliex il-bogħod mill-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Elena kien jaqtalhom qalbhom. Huma kienu mhedda ukoll mill-propogranda Protestanti u l-Metodisti, hekk kif dawn kellhom djar tal-laqgħat f’ San Ġiljan li aktar tard kiber f’kulleġġ.

Għaldaqstant fil-21 ta’ April 1849, Ercole Mamo dei Marchesi Monpalao, f’ismu u ‘fisem dawk li kienu joqgħodu San Ġiljan kiteb lill-Isqof Publiju Maria Sant. Fl-ittra spjega li kien jinħtieġ li qassis Kattoliku jintbagħat jaqdi dmirijiet pastorali f’San Ġiljan. L-Isqof Sant sema t-talba tal-poplu Ġiljaniż u waqqaf il-Knisja ta’ San Ġiljan f’viċi-parroċċa. Dun Ġużepp Xerri D.D., saċerdot zgħazugħ minn Birkirkara, intgħażel mill-Isqof Sant għall-ministeru pastorali f’ San Ġiljan . Huwa beda l-ministeru pastorali tiegħu f’ San Ġiljan fil-5 t’Awwissu 1849, u minn hawnekk bdiet ir-rabta ma’ dan ir-ragħaj mal-poplu ta’ San Ġiljan, rabta li nħallet biss b’mewtu. Il-knisja tkabbret fl-1852, bl-Isqof Sant jikkontribwixxi s-somma ta’ 150 skud b’risq dan il-proġett. Il-knisja tbierket mill-ġdid mill-Prepostu Dun Ġużepp Debono fl-20 ta’ Frar 1853.

Dun Ġużepp Xerri - Missier il-parroċċa ta' San Ġiljan.
Dun Ġużepp Xerri – Missier il-parroċċa ta’ San Ġiljan.

Mal-mewt tal-Prepostu Debono, l-Isqof ħareġ avviz fejn stqarr li dawk li kellhom jersqu għall-konkors għall-prepositura kellhom iwiegħdu li ma jfixklux il-firda ta’ biċċa mal-parroċċa tagħhom. Il-Kapitlu Elenjan ipprotesta kontra dan l-avviz iżda dan ma waqqafx lil missirijietna milli, flimkien mal-Viċi Parroku Dun Ġużepp Xerri,  jiktbu lill-Papa biex jitolbuh iwaqqaf il-viċi parroċċa tagħhom f’parroċċa. Fuq din it-talba, Ruma riedet tisma x’kellhom xi jgħidu l-Prepostu l-ġdid u l-kanonċi tal-Kolleġġjata. San Ġiljan baqa viċi-parroċċa. Iżda mhux għal żmien twil.13775489_10206535453855141_5832676563342555275_n

Bħalma kien sar fit-twaqqif tal-viċi-parroċċa, għal darb’oħra kien il-poplu li reġa ħa l-inizjattiva sabiex San Ġiljan isir parroċċa. Waqt il-vizta pastorali tal-Isqof Pietru Pace, l-poplu Ġiljaniz ippreżenta petizzjoni b’firma ta’ 166-il- raġel li fiha talbu biex il-Knisja ta’ San Ġiljan titwaqqaf f’ parroċċa.  Fost il-firmatarji kien hemm persuni influenti bħal Mons. Ġużepp Caruana Dingli, Dun Alwiġ Barbara, Dr Giuseppe Montanaro u Dr E. Borg Olivier.Lapsi old

Id-digriet tat-twaqqif tal-parroċċa ‘Quum Incolae’ ġie ppubblikat fl-1 ta’ Setembru 1891. Permezz tad-digriet, l-Isqof Pace bl-awtorita tiegħu ta’ Delegat Appostoliku ssepara lil San Ġiljan mill-parroċċa ta’ Birkirkara. Ir-raġunijiet li ta fid-digriet huma appropriazzjoni ta dawk mogħtija mir-residenti fil-petizzjoni tagħhom. Id-digriet isemmi ukoll li l-kappillan kellu jirċievi l-għajnuna finanzjarja li l-poplu kien jagħti kull sena lill-prepostu, kif ukoll is-somma ta’ 100 skud kull sena mingħand dan tal-aħħar. Id-digriet jitkellem ukoll fuq il-limiti tal-parroċċa l-ġdida u anness miegħu l-Isqof ta ukoll mappa ta’ dawn il-limiti geografici. Il-kurja ħarġet ukoll proklama, miktuba bl-ilsien Taljan, sabiex din titwaħħal fil-parroċċi u f’postijiet pubbliċi.13709843_10206549785493423_324649868916446782_n

Xerri kien nominat Vigarju Kurat sal-ħatra ta’ kappillan ġdid. L-Isqof Pace kellu stima kbira lejn Xerri u għaldaqstant kiteb lill-Papa Ljun XIII sabiex jitolbu biex javda l-parroċċa f’idejn Dun Ġużepp mingħajr eżami, għaliex dan tal-aħħar ma kienx tal-eta’ biex jipparteċipa fl-imsejjaħ konkors għall-kariga. Dun Ġużepp sar l-ewwel kappillan ta’ San Ġiljan fl-10 ta’ Ottubru 1891 u ħa l-pusses jiem wara. Iffirma fir-reġistri tal-magħmudija l-ewwel darba bħal;a kappillan nhar il-15 ta’ Ottubru tal-istess sena. Avolja anzjan, Xerri wera l-istess ħeġġa u żelu li kien wera tul il-ħidma kollha tiegħu f’ San Ġiljan u xhieda ta’ dan huwa l-fatt li reġa kabbar il-knisja u żejjinha b’diversi opri tal-arti li għadna ngawdu sal-lum, fosthom il-vara titulari ta’ San Ġiljan, xogħol Karlu Darmanin, li waslet fil-Knisja Parrokkjali l-ġdida fil-lejl tat-13 ta’ Awwissu 1893. Kien żmien tad-deheb għall-komunita’ ta’ San Ġiljan. F’dan iż-żmien il-parroċċa l-ġdida kellha ukoll ix-xorti ta’ vokazzjoni saċerdotali. Dun Ġiljan Zammit iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-Milied tal-1893. Hu daħal biex ikun ta’ spalla għal Xerri, li issa beda jħoss it-toqol tas-snin jagħfsu fuqu.L-ewwel ġebla

Kien Dun Ġiljan stess, li ġie mgħammed minn Xerri, li assista lil Dun Ġużepp qabel ma dan ħall din id-dinja f’Ġunju tal-1897. Dun Ġiljan, l-id il-leminija ta’ Xerri, fis-snin tal-parrokat tiegħu, kellu jinħatar bħala s-suċċessur tiegħu ftit wara l-mewt ta’ Xerri. Huwa kompla jgħammar il-knisja u jifforma komunita’ parrokkjali, hekk kif jixhdu r-reġistri tal-Procura della Veneranda Lampade della Chiesa Parrocchiale di San Giuliano. Iżda Zammit ma kellux idum fit-tmun tal-parroċċa ħabb saħħtu. Warajh segwa parrokat qasir ieħor ta’ tliet snin – dak ta’ Dun Karm Bugelli. Wara dawn it-tliet parrokati qosra, segwa l-itwal wieħed fl-istorja tal-parroċċa. Dun Amabile Bonanno mexxa l-parroċċa ta’ San Ġiljan għal 34 sena, fiż-żminijiet diffiċli tal-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija u l-ġlieda politico-reliġjuża. Iżda kien ukoll żmien sabiħ ħafna għall-parroċċa. Is-Sorijiet Klarissi u l-Agostinjani fetħu l-kunventi tagħhom f’ San Ġiljan, hekk kif għamlet is-Soċjeta tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M), Ġew imwaqqfa ukoll il-fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju u ta’ San Ġużepp, il-Franġiskani Terzjarji, lx-Xirka tal-Isem Mqaddes t’Alla, il-Fiegle di Maria, l-Appostolat tat-Talb u l-Unjoni tad-Duluri. Kien f’ dan il-parrokat, preċiżament fit-30 ta’ Settembru 1934 li l-Parroċċa ġiet ikkonsagrata llill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu.

Il-knisja parrokjali l-ġdida waqt li kienet qed tinbena. HAwn tidher għadha bla saqaf.
Il-knisja parrokjali l-ġdida waqt li kienet qed tinbena. Hawn tidher għadha bla saqaf.

Iżda San Ġiljan beda jinbidel. Fl-1948 l-popolazzjoni kienet laħqet 9,200 ruħ. Bonanno kien l-ewwel li ħolom fil-proġett ta’ Knisja Parrokkjali ġdida fl-1919. Is-suċċessur tiegħu Dun Anton Debono għamel pass ieħor ‘l quddiem mneta xtara biċċa art għall bini ta’ knisja ġdida, iżda s-suċċessur tiegħu Dun Philip Grech jidher li qata qalbu li l-knisja tinbena fuq dik l-art u rrinunzja għaliha.13754476_10206548858550250_7788547092939851640_n

Dun Guido Calleja kellu jkun il-kappillan li jara li l-ħolma ta’ Bonanno titwettaq. Il-kuntratt tax-xiri tal-art ġie ffirmat f’Mejju tal-1957. Nhar id-9 ta’ Lulju 1961 saret festa kbira f’San Ġiljan, fl-okkażjoni tat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali l-ġdida mill-Arċisqof Mikiel Gonzi. Il-knisja nbniet fuq pjanta tal-Perit Arthur Zammit bl-imgħallem ikun Ġużeppi Debono. Iżda Dun Guido ma kellux ix-xorti li jara l-knisja lesta fil-parrokat tiegħu għaliex intbagħat mill-Arċisqof Gonzi bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Stella Maris, Tas-Sliema. Wara biss erbgħa snin ta’ ħajja saċerdotali, Dun Ġwann Galea, saċerdot iben il-parroċċa inħatar bħala it-tmien kappillan ta’ San Ġiljan. Hu kellu jmexxi l-parroċċa għall-ftuħ u t-tlestija tal-knisja l-ġdida. Din infetħet għall-ewwel darba għall-pubbliku fil-festa tad-Duluri tas-sena 1967, filwaqt li l-ftuħ uffiċċjali seħħ nhar il-festa ta’ Ħadd il-Palm tas-sena ta’ wara. Il-knisja tbierket fil-25 ta’ Awissu tal-istess sena u ġiet konsagrata nhar is-17 ta’ Diċembru 1978.

Il-knisja l-ġdida mingħajr Via Sagra u mingħajr in-niċċeċ. Tidher ukoll l-istatwa ta' San Ġiljan fil-ġenb.
Il-knisja l-ġdida mingħajr Via Sagra u mingħajr in-niċċeċ. Tidher ukoll l-istatwa ta’ San Ġiljan fil-ġenb.

Ġurnata tad-deheb fl-istorja tal-Parroċċa u tal-Knisja l-ġdida hija dik tas-27 ta’ Mejju 1990, meta din laqgħet il-Vigarju ta’ Kristu, l-Papa San Ġwanni Pawlu II għal laqgħa mal-intelletwali ta’ Malta u Għawdex waqt żjara li l-Papa għamel fil-Gzejjer Maltin. Dan kien zgur l-aktar mument sinjifikattiv fil-parrokat ta’ Dun Tony Agius, li mexxa l-parroċċa għal sbatax-il sena, u preludju eċċezzjonali għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel ċentinarju tagħha, ukoll immexxija minn Dun Tony.

L-artal maġġur fil-knisja parrokjali l-ġdida qabel ma ġie rranġat għal kif inhu llum.
L-artal maġġur fil-knisja parrokjali l-ġdida qabel ma ġie rranġat għal kif inhu llum.

Il-Kappillan Dun Martin Cardona wassal lill-parroċċa ta’ San Ġiljan fuq l-għatba ta’ Millenju ġdid.  Kemm hu, is-suċċessur tiegħu Dun Ray Toledo u l-Kappillan preżenti Dun Claude Portelli mexxew il-parroċċa fi żminijiet fejn is-soċjeta’ baqgħet tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna. Dun Martin fil-sena tal-millenju, ta’spinta lid-dar u l-ufficcju parrokjali fejn sular sħiħ minn dik li qabel kienet id-‘dar tal-kappillan’ irriforma f’uffiċini diċenti għas-servizz tal-parruċċjani.  Dun Ray Toledo biddel dak li fi żmien kien l-uffiċċju parrokjali f’kappella tal-adorazzjoni.  Dun Claude ħadem ħafna biex sar restawr fuq diversi oġġetti antiki li jinsabu fil-knejjes tagħna.  San Ġiljan tal-lum għandu popolazzjoni diversa, bi kwantita’ ta’ barranin jew nies li ġew jgħixu San Ġiljan minn imkejjen oħra ta’ Malta; nies ta’ opinjonijiet, stil ta’ħajja, valuri, u saħansitra twemmin differenti.  Din toffri sfidi kbar sabiex il-parroċċa tkompli twassal il-messaġġ tal-Vanġelu u biex il-komunita’ parrokkjali tibqa’ sinjal ċar tal-preżenza ta’ Ġesu’ fostna.

Dun Anton Sciberras imexxi funzjoni tal-Milied fil-knisja parrokjali ġdida. Il-knisja kienet għadha bla bankijiet.
Dun Anton Sciberras imexxi funzjoni tal-Milied fil-knisja parrokjali ġdida. Il-knisja kienet għadha bla bankijiet.

Hekk kif niċċelebraw il-125 sena tal-parroċċa, ħarsitna trid  iddur l-ewwel nett fuq il-Mulej Ġesu’ sabiex inkomplu ngħammru fiH u Hu fina, hekk kif jgħidilna l-motto magħżul għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.  Iżda ħarsitna ddur ukoll fuq il-futur tal-parroċċa tagħna.  Bħala membri ta’ din il-parroċċa u l-komunita’ rridu kollha kemm aħna nieħdu responsabbilta’ fuqna li nkomplu nibnu din il-komunita’ billi nkunu ta’servizz għal xulxin, fuq l-eżempju tal-Patrun tagħna San Ġiljan, u impenjati bis-serjeta’ lejn il-komunita’.  Fuq kollox irridu inrawwmu dan is-sens ta’ komunita’ f’uliedna.  Hekk biss il-komunita’ tagħna tibqa’ miexja ‘l-quddiem b’fiduċja f’Ġesu’ l-feddej tagħna – l-għajn ta’ kull ħniena.

Ħajr lil:

Kitba ta’ Niki Papagiorcopulo

Arranġament: John Grixti

Ritratti: Arkivju parrokkjali u minn kollezzjonijiet privati.  Ħajr lil dawk il-persuni li tawna ritratti apposta għal dan l-artiklu.  

About the author

Ikkummenta