L-Ewwel Qari
Kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna, hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Dak il-lejl tal-ħelsien tħabbar minn qabel lil missirijietna,
biex, wara li għarfu sewwa f’liema wegħdiet emmnu,
aktar iqawwu qalbhom.
Il-poplu tiegħek stenna l-ħelsien tal-ġusti,
u l-qerda tal-għedewwa tagħhom,
għax kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna,
hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.
L-ulied twajba tal-ġusti offrew sagrifiċċju bil-moħbi,
u lkoll fehma waħda qagħdu għal-Liġi ta’ Alla:
li l-qaddisin tiegħek jaqsmu xorta bejniethom
kemm il-ġid u kemm id-deni;
għalhekk minn qabel għannew tifħir missirijiethom.
Salm Responsorjali
Rl. : Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.
Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu. Rl.
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. Rl.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. Rl.
It-Tieni Qari
Kien iħares ‘il quddiem, lejn il-belt, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija
l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil
Alla sewwasew għax kellhom il-fidi.
Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan
qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf
fejn kien sejjer.
Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani
f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li
kienu werrieta miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares ‘il
quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha
huwa Alla.
Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet
titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda.
Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet,
twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’
xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ishru u kunu lesti,
għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Kunu lesti intom ukoll.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Le, merħla ċkejkna,
tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu
ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma
jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq
u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom,
hemm tinsab qalbkom ukoll.
Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;
kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex
malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.
Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew
ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u
jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni
sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin
huma!
Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej
il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu
lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin
il-bniedem.»
Qallu Pietru: «Mulej, din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew
għal kulħadd?»
Wieġbu l-Mulej: «Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu
dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom
f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.
Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.
Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: “Sidi
jiddawwar ma jiġi,” u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u
nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal
f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda,
u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili.
U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew
ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma
jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit
jissawwat.
Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min
ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.»