SIDTNA MARIJA MTELLGĦA S-SEMA

L-Ewwel Qari

 

Qari mil-Ktieb tal-Apokalissi.

Infetaħ it-tempju ta’ Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-Arka tal-Patt tiegħu fit-tempju tiegħu.

U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles.  Mbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir minn lewn in-nar, b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ dijademi fuq irjusu. U b’denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-Mara li kienet se tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-Mara ħarbet fid-deżert, hemmhekk fejn għandha post imħejji minn Alla,

U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: “Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, u s-Saltna ta’ Alla tagħna, u s-setgħa tal-Messija tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Salm Responsorjali 

℟    F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Bniet is-slaten joħorġu jilqgħuk;

f’lemintek is-sultana mżejjna b’deheb ta’ Ofir.

℟    F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Isma’, binti, ħares u agħti widen,

insa ‘l ġensek u ‘l dar missierek.

℟    F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek;

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

℟    F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

 

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha,

it-tfajliet  li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b’għajat ta’ ferħ u hena;

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

℟    F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

 

It-Tieni Qari                                                                             

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.

 

Ħuti:

Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.  Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.  Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu.  Imbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa.  Għax jeħtieġ li hu jsaltan “sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.” L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju                              

Hallelujah.  ℟ Hallelujah.

Marija ġiet imtellgħa fis-sema;

jifirħu l-qtajja’ tal-Anġli.

℟ Hallelujah.

L-Evanġelju

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.

 

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

 

Imbagħad qalet Marija:

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,

għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu,

bħalma wiegħed lil missirijietna,

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.”

Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

Il-Kelma tal-Mulej

 

 

About the author

Ikkummenta