Is-Sitta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos
Dan jgħid il-Mulej li jista’ kollox :
«Ħażin għalihom
dawk li f’Sijon għandhom moħħhom mistrieħ,
dawk li qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija!
Fuq sodod tal-avorju mimduda,
jitmattru fuq il-friex;
u ħrief il-merħla jieklu, għoġiela mill-istalla.
Mal-arpa jqabblu l-għana,
bħal David strumenti jivvintaw.
L-inbid ilegilguh minn bwieqi kbar,
u bl-ifjen żjut jindilku,
bla xejn ma jsewdu qalbhom
għall-qerda ta’ Ġużeppi.
Għalhekk ikunu l-ewwel fost dawk li jittieħdu fl-eżilju,
u tintemm imbagħad l-għajta tal-imhejmin.»

Salm Responsorjali

Rl. : Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Il-Mulej li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. Rl.

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin. Rl.

Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi,
l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis
li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt
l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.
Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem
Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju
Pilatu. Inwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek
bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad
juriha f’waqtha.
Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani,
is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien,
li hu biss ma jmut qatt
u jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh,
hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista’ jarah.
Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Ammen.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Sidna Ġesù Kristu, għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-fariżej: «Mela kien hemm raġel għani,
jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum
jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu
ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa
li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru
jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.
Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet
ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art
l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi
ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena
minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li
għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar.”
Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek;
hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk
qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm
vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn
għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm
għal għandna.” Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar
missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif
imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”
Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.”
Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom
xi ħadd mill-imwiet, jindmu.” Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma
jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet
ma jemmnu.”»

About the author

Ikkummenta