Din il-ġimgħa rat il-bidu ta’ sena ġdida ta’ katekiżmu għat-tfal ta’ bejn sitt snin u tnax il-sena. F’żewġ serati separati, it-tfal iltaqgħu fil-Knisja Parrokkjali fejn ingħataw merħba mis-Sinjorina Doris Borg – ko-ordinatriċi tal-katekizmu – kif ukoll mill-katekisti u l-Kappillan
Waqt dawn is-laqgħat saru wkoll it-tiġdid tal-wegħdiet minn naħa tal-katekisti, tat-tfal u tal-ġenituri. Rappreżentant minn kull kategorija telgħu fuq l-artal fejn qraw il-wegħdiet f’isem kull min kien prezenti, u wegħdu li l-katekisti jgħallmu kif ried Ġesù, it-tfal jisimgħu u joqgħodu attenti waqt il-lezzjoni, u l-ġenituri li jagħmlu ħilithom biex iwasslu lit-tfal għall-katekiżmu u jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ minn għandhom.
Wara l-wegħdiet, il-katekisti ħadu lit-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom fil-klassijiet fejn ser jiltaqgħu kull ġimgħa. Hawnhekk huma introduċew ruħhom mat-tfal u l-ġenituri u tawhom xi dettalji importanti.
Minn din il-paġna nawguraw sena kateketika sabiħa lil dawn it-tfal u l-katekisti.