Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, il-poplu ta’ Għamalek qam u tqabad ma’ Iżrael
f’Rafidim.
Mosè qal lil Ġożwè: «Agħżel irġiel u mur tqabad ma’ Għamalek;
jien noqgħod wieqaf fuq il-quċċata tal-għolja, bil-ħatar ta’ Alla f’idi.»
Ġożwè għamel kif qallu Mosè, u mar jitqabad mal-Għamalekin.
Mosè, Aron u Ħur telgħu fuq il-quċċata tal-għolja.
Kull meta Mosè kien jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ; u kull meta kien
iniżżel idejh, kienu jirbħu l-Għamalekin. Meta idejn Mosè bdew
jitqalu, ħadu ġebla u qegħduhielu taħtu; u hu qagħad bilqiegħda,
waqt li Aron u Ħur żammewlu dirgħajh, wieħed kull naħa. Hekk
idejh baqgħu sodi merfugħa sa nżul ix-xemx.
U Ġożwè qered lil Għamalek u l-poplu tiegħu b’xifer ix-xabla.
 

Salm Responsorjali

Rl. : L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej
 
Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet;
mnejn se tiġini l-għajnuna?
L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,
li għamel is-sema u l-art. Rl.
 
Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod
dak li jħares lil Iżrael. Rl.
 
Il-Mulej hu dak li jħarsek;
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar,
anqas il-qamar billejl. Rl.
 
Iħarsek il-Mulej minn kull deni;
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,
minn issa u għal dejjem. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf
mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla
tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal
għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.
L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed
jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk
il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.
Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel
ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna
tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar,
widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
Rl. Hallelujah
 
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom
li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: «Kien hemm
f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel
rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur
għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.”
Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu
qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies,
imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex
ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.”»
U l-Mulej qal: «Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad
Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma
jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena
ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin
il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?»

About the author

Ikkummenta