IL-WIEHED U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IS-SORPRIZA TAL-HNIENA KBIRA TA’ ALLA

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  11, 22 – 12, 2

 

 Quddiemek id-dinja kollha qisha traba fil-miżien,

jew qatra nida ta’ l-għodwa li tinżel fuq l-art.

Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista’ kollox;

 

Int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin

biex huma jindmu.

Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha,

u xejn ma tistmell minn kull ma għamilt.

 

Li kien hemm xi ħaġa li stajt tobgħodha,

Int ma kontx tagħmilha.

Kif setgħet tibqa’ xi ħaġa fid-dinja

kieku int ma ridthiex?

Jew kif setgħet iżżomm, kieku int ma sejjaħtilhiex?

 

Imma int, o Sid li tħobb kull ma jgħix,

lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek.

 Għax f’kulħadd hemm nifsek bla ma  qatt jintemm.

 

Għalhekk int twiddeb bil-ftit il-ftit li dawk li jonqsu,

twissihom u tfakkarhom fejn dinbu,

biex jerġgħu lura mill-ħażen tagħhom,

u fik, Mulej, iqiegħdu t-tama tagħhom.

 

Salm 145

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,

u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.

 

 Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu.

 

Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej ‘il kull min se jaqa’,

iqajjem ‘il kull min hu mitluq.

 

It-Tieni Qari

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  1, 11 – 2, 2

 

Ħuti: aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom.  U hekk l-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom u intom fih skond il-grazzja ta’ Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.

  

Ħuti, għal dak li għandu x’jaqsam mal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu,  nitolbukom biex ma toqogħdux tħawwdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta’ jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna.

 

Versett: Hallelujah. Ishru, u kunu lesti, għax ma tobsruha qatt is-siegħa li fiha jiġi Bin il-Bniedem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta San Luqa.  19, 1-10

 

F’dak iż-żmien: Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq.  Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani.  Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir.  Għalhekk mar jiġri  ‘l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.  Ġesù, kif wasal hemm, ħares ‘il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.”  Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu.  In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.  Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd inroddlu għal erba’ darbiet iżjed.”  Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham.  Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva   l-mitluf.”

About the author

Ikkummenta