Għandna nitolbu ħafna biex ma nħallux il-virus tal-ipokrisija, dak l-atteġġjament tal-Fariżej li jisseduċi filwaqt li jibqa’ mdellel, iniġġisna. L-ipokrisija, m’għandhiex kulur fiss imma tilgħab bl-isfumaturi. Tidħol fin fin u tgħammex l-għajnejn billi taffaxxinana bil-gideb.
Fil-Vanġelu Ġesù jwiddeb lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: oqgħodu attenti mill-ħmira tal-Fariżej. Il-ħmira hi ħaġa żgħira ħafna, imma Ġesù jitkellem dwarha qiesha hi xi virus. Qiesu tabib jgħid lill-kollaboaraturi tiegħu biex jitħarsu mir-riskju li jitieħdu mill-virus.
L-ipokrisija hi dak il-mod ta’ għejxien, ta’ aġir, ta’ diskors, li qatt mhu ċar. Forsi jitbissem, forsi jkun serju… Imma mhux dawl, mhux dlam.. Jimxi b’mod li donnu mhu qiegħed jhedded lil ħadd, bħas-serp, imma għandu s-seher tal-chiaroscuro, tal-isfumaturi. Għandu dak is-seħer li l-affarijiet qatt mhuma ċari, li ma jgħidx kollox ċar: is-seħer tal-gidba, tal-apparenza.
Lill-fariżej ipokriti Ġesù jgħidilhom li kienu mimlijin bihom infushom, kienu vanitużi, li kienu jippassiġġaw fil-pjazez biex jidhru li kienu importanti, nies kolti.
Imma Ġesù jgħid lill-folla: Tibżgħux, għax m’hemm xejn li hu moħbi li m’għadx jinkixef, xejn li hu sigriet li m’għadx ikun magħruf. Qiesu qed jgħid, li jekk ninħbew ma jgħinx, anki jekk il-ħmira tal-Fariżej wasslet u għadha twassal lin-nies biex iħobbu aktar id-dlam milli d-dawl.
Din il-ħmira hi l-virus li jmarrad u jġib il-mewt. Irridu nħarsu ruħna minnu! Dan il-virus iwassal għad-dlam. Imma hemm wieħed li hu akbar minn dan kollu: hu l-Missier li jinsab fis-sema. Ħames għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? Madankollu ebda wieħed minnhom mhu minsi quddiem Alla. Anki x-xagħar ta’ raskom hu magħdud. U fl-aħħar hemm l-eżortazzjoni: Tibżgħux! Intom tiswew aktar minn ħafna għasafar tal-bejt.
Quddiem dawn il-biżgħat kollha li jqiegħdu quddiemna minn hawn u minn hemm, li jqiegħed quddiemna l-virus, il-ħmira tal-ipokrisia tal-fariżej, Ġesù jgħidilna: Hemm Missier li jħobbkom. Hemm Missier li jieħu ħsiebkom. U hemm mod wieħed biex nevitaw li nitniġġsu. Hi t-triq li uriena Ġesù: it-talb. Is-soluzzjoni waħdanija, biex aħna ma naqgħux f’dak l-atteġġjament tal-fariżej li la hu dawl u lanqas dlam, imma hu xi ħaġa fit-triq tan-nofs li ma tasal qatt għad-dawl ta’ Alla.
Nitolbu, nitolbu ħafna: Mulej ħares il-Knisja tiegħek, li hi aħna lkoll: ħares il-poplu tiegħek, dak li nġabar madwarek u beda jgħaffeġ fuq xulxin. Ħares il-poplu tiegħek biex iħobb id-dawl, id-dawl li jiġi mill-Missier, li jiġi mingħand Missierek, li bagħatek biex issalvana. Ħares il-poplu tiegħek biex ma jsirx ipokrita, biex ma jaqax fl-indifferenza tal-ħajja. Ħares il-poplu tiegħek biex ikollu l-ferħ li jagħraf li hemm Missier li jħobbna.
Fr Claude