Ix-xahar ta’ Novembru jibda propju bis-Solennita’ tal-Qaddisin Kollha; permezz ta’ din il-festa li l-Knisja Universali tagħmel lil Qaddisin kollha nħossu partikolarment ħajja fina r-realtà tal-komunjoni tal-qaddisin, il-familja kbira tagħna, iffurmata mill-membri kollha tal-Knisja, kemm aħna li għadna pellegrini hawn fl-art, kif ukoll dawk – f’għadd immensament akbar – li diġà ħallewha u marru s-Sema. Ilkoll magħqudin, u din tissejjaħ “il-komunjoni tal-qaddisin”, jiġifieri l-komunità ta’ kull min hu mgħammed.
Fil-liturġija tal-Kelma nhar l-1 ta’ Novembru, l-Ktieb tal-Apokalissi jiddeskrivi karatteristika essenzjali tal-qaddisin u jgħid hekk: huma bnedmin kollha kemm huma ta’ Alla. Jippreżentahom bħala għadd bla qies ta’ “magħżulin”, lebsin l-abjad u mmarkati bis-siġill ta’ Alla (cfr 7,2-4. 9-14). Permezz ta’ dan id-dettal, b’lingwaġġ allegoriku, jintwera lilna li l-qaddisin huma ta’ Alla b’mod sħiħ u esklussiv, huma propjetà tiegħu. U xi jfisser li f’ħajtek u fil-persuna tiegħek ikollok is-siġill ta’ Alla? Jgħidulna mill-ġdid l-Appostlu Ġwanni: ifisser li f’Ġesù Kristu aħna sirna verament ulied Alla (cfr 1 Ġw 3, 1-3).
Aħna konxji minn dan ir-rigal kbir? Ilkoll aħna ulied Alla! Niftakru li fil-Magħmudija rċevejna “s-siġill” tal-Missier tagħna u sirna wliedu? Din hi l-vokazzjoni għall-qdusija. U l-qaddisin li qed infakkru llum huma propju dawk li għexu fil-grazzja tal-Magħmudija tagħhom u żammew sħiħ “is-siġill” billi ġabu ruħhom ta’ ulied Alla, ippruvaw jixbħu lil Ġesù; u issa waslu fid-destinazzjoni tagħhom “qed jaraw ‘l Alla kif inhu”.
It-tieni karatteristika tipika tal-qaddisin hi li huma eżempji li għandna nimitawhom. Noqgħodu attenti: mhux biss dawk li huma kanoniżżati, imma l-qaddisin, biex ngħidu hekk, “tad-dar ta’ ħdejna”, li bil-grazzja t’Alla għamlu ħilithom kollha biex jipprattikaw l-Evanġelju fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Anki aħna ltqajna ma’ wħud minn dawn il-qaddisin: forsi kellna xi ħadd minnhom fil-familja tagħna jew fost ħbiebna jew fost in-nies li nafu. Għandna nkunu grati lejhom, u, fuq kollox, għandna nkunu grati lejn Alla li rregalahomlna, li qiegħdhom qrib tagħna bħala eżempji ħajjin li minnhom “nittieħdu” l-mod ta’ kif ngħixu u mmutu fidili lejn il-Mulej Ġesù u l-Evanġelju tiegħu. Kemm konna nafu u kemm nafu nies tajbin, u ngħidu: “Imma dal-bniedem qaddis!”, ngħiduha b’mod spontanju. Dawn huma l-qaddisin “tad-dar ta’ ħdejna”, dawk mhux kanoniżżati imma jgħixu magħna.
Meta nimitaw il-ġesti ta’ mħabba u ta’ ħniena tagħhom inkunu qisna qed inżommu ħajja l-preżenza tagħhom f’din id-dinja. Fil-fatt, dawn il-ġesti evanġeliċi huma l-uniċi li jirreżistu l-qerda li tnissel il-mewt: att ta’ mħabba, għajnuna ġeneruża, ftit ħin nisimgħu, żjara, kelma tajba, tbissima…. F’għajnejna dawn jistgħu jidhru affarijiet mingħajr tifsira, imma f’għajnejn Alla huma eterni, għax l-imħabba u l-kompassjoni huma aktar qawwija mill-mewt
Fr Claude