L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak. 35, 12-14, 16-18
Il-Mulej hu mħallef ġust
u ma jħarisx lejn l-uċuħ.
Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun
b’dannu tal-fqir,
u jagħti widen għat-talba tal-magħkus.
Ma jagħlaqx widnejh għat-talba
bil-ħniena ta’ l-iltim,
jew ta’ l-armla li tibki xortiha.
It-talba ta’ l-umli tinfed is-sħab,
u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib il-Mulej,
u ma tiqafx qabel ma’ l-Għoli jagħti widen,
u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.
Salm Responsorjali
Ritornell : Il-fqajjar sejjaħ il-Mulej, u semgħu.
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.
It-Tieni Qari
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju. 4, 6-8, 16-18
Għażiż: Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.
Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom! Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sa l-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem! Amen.
L-Evanġelju
Versett: Hallelujah. Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. 18, 9-14
Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal.’
Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’ Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.” |