L-Ewwel Qari
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel. 5, 1-3
F’dak iż-żmien: It-tribujiet kollha ta’ Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna! Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: ‘Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael.’ ” U x-xjuħ kollha ta’ Iżrael ġew għand is-Sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f’Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.
Salm Responsorjali
Ritornell: Sejrin f’dar il-Mulej.
Salm 122
Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm!
Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej.
Biex, skond il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appopstlu lill-Kolossin. 1, 12-20
Ħuti: Roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.
Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu,
il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha; [Kol:1:20] bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, mxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.
Evanġelju
Versett: Hallelujah. Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierka s-saltna ta’ David missierna li ġejja! Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. 23, 35-43
F’dak iż-żmien: Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’
Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Mbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”