L-EWWEL HADD TAL-AVVENT (2016-17) GHANDNA BZONN DAWL GDID

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  2, 1-5

Il-kelma li ġiet f’dehra lil Isaija bin Amos,

dwar Ġuda u Ġerusalemm.

Għad jiġri fl-aħħar jiem

li l-għolja tad-dar tal-Mulej

togħla ‘l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,

u tintrefa ‘l fuq  mill-għoljiet,

lejha għad jiġru l-ġnus kollha.

Kotra ta’ popli għad jiġu u jgħidu:

“Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,

lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb,

biex jgħallimna triqatu,

u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.

Għax minn Sijon joħroġ it-tagħlim,

u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm.” 

Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus,

u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna popli;

u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet,

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor,

u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

Ejja, dar Ġakobb,

ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!

 

Salm Responsorjali

Ritornell: Fraħt meta qaluli: “Immorru f’dar il-Mulej!”

 

Fraħt meta qaluli:

“Sejrin f’dar il-Mulej!”

Diġà qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm!

 

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta’ Iżrael,

ifaħħru isem il-Mulej.

 

Minħabba ħuti u ħbiebi,

ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik?”

Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna,

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  13, 11-14

 

Ħuti: Intom tafu f’liema żmien qegħdin. Waslet  is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żína u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u  l-għira. Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom   mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.

 

Evanġelju

 

Versett: Hallelujah. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek u s-salvazzjoni tiegħek agħtina. Hallelujah.

 

F’dak iż-żmien : Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu  l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

About the author

Ikkummenta