Niftħu qlubna biex nilqgħu l-grazzja tal-jum li fih twieled is-Salvatur tagħna, li Hu Kristu nnifsu: Ġesù hu l-“jum” kollu dawl li żernaq fuq ix-xefaq ta’ l-umanità. Jum ta’ ħniena, li fih Alla l-Missier wera lill-bnedmin kollha l-ħlewwa kbira tiegħu. Jum ta’ dawl li jkeċċi d-dlam tal-biża’ u tad-diqa. Jum ta’ paċi, fejn isir possibbli għalina li niltaqgħu ma’ xulxin, niddjalogaw, u fuq kollox nirrikonċiljaw ruħna. Jum ta’ ferħ: “ferħ kbir” għaċ-ċkejknin u l-umli, u għall-poplu kollu (ara Lq 2:10).
F’dan il-jum, mill-Verġni Marija, twieled Ġesù, is-Salvatur. Il-presepju jurina s-“sinjal” li Alla tana: “tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Bħar-ragħajja ta’ Betlehem, anki aħna mmorru naraw dan is-sinjal, din il-ġrajja li ta’ kull sena tiġġedded fil-Knisja. Il-Milied hu ġrajja li tiġġedded f’kull familja, f’kull parroċċa, f’kull komunità li tilqa’ l-imħabba ta’ Alla mlaħħma f’Ġesù Kristu. Bħal Marija, il-Knisja turi lil kulħadd is-“sinjal” ta’ Alla: it-Tarbija li Hi ġarret f’ġufha u tatha d-dawl, imma li hi Bin il-Għoli, għax “ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20). Għalhekk Hu l-Feddej, għax hu l-Ħaruf ta’ Alla li jieħu fuqu d-dnub tad-dinja (ara Ġw 1:29). Flimkien mar-ragħajja, ejjew nersqu nqimu lill-Ħaruf, naduraw it-Tjieba ta’ Alla li saret laħam, u nħallu d-dmugħ ta’ ndiema jfawwar xfar għajnejna u jnaddfilna qalbna.
Hu biss jista’ jsalvana. Il-Ħniena ta’ Alla biss tista’ teħles lill-umanità minn tant xorta ta’ ħażen, xi drabi mostrużi, li l-egoiżmu jnissel fiha. Il-grazzja ta’ Alla tista’ ddawwar il-qlub u tiftaħ toroq li bihom nistgħu ninqalgħu minn sitwazzjonijiet li umanament ma jistgħux jissolvew.
Fejn jitwieled Alla, titwieled it-tama: Hu jġib it-tama. Fejn jitwieled Alla, titwieled il-paċi. U fejn titwieled il-paċi, m’hemmx iżjed lok għall-mibegħda u għall-gwerra. Nawgura minn qalbi li dan iż-żmien tant għażiż għalina lkoll ikun tassew żmien li jnissel fi qlubna Tama mġedda u Paċi dejjiema. J’Alla l-familji kollha tagħna jgħarfu jgħixu dan iż-żmien f’dan l-ispirtu ta’ għaqda u ta’ solidarjeta’ nisranija awtentika. Dan hu l-awgurju tiegħi lilkom ilkoll mhux biss għal dawn il-ġranet ta’ festa imma wkoll għas-sena l-ġdida li ġejja.
IL-MILIED IT-TAJJEB LIL KULĦADD
Fr Claude