L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 35, 1-6a, 10
Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa;
ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad,
ħa jwarrad bħar-ranġis.
Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.
Sebħ il-Libanu jingħata lilha,
il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron.
Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej,
il-ġmiel ta’ Alla tagħna.
Qawwu l-idejn mitruħa;
saħħu l-irkubbtejn imriegħda.
Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
Hu stess ġej biex isalvakom.
Mbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
Mbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej,
u jidħlu f’Sijon jgħajjtu bil-ferħ,
b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.
Il-ferħ u l-hena jiksbu,
u jgħibu swied il-qalb u l-krib.
Salm Responsorjali
Ritornell : Ejja, Mulej, ħa ssalvana.
Salm 146
Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.
Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin.
Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin.
Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu. 5, 7-10
Ħuti, stabru, sa ma jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-frott għażiż ta’ l-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra. Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib. Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb! Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar, ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej.
Evanġelju
Versett: Hallelujah. L-Ispirtu tal-Mulej fuqi: bagħatni nwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 11, 2-11
Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub,
‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar
tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.
Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.