Biex nifhmu verament lil Ġesù ma jistax ikollna qalbna magħluqa. Mill-Vanġelu naraw kif in-nies tagħmel minn kollox biex tersaq lejn Ġesù mingħajr ma taħseb dwar ir-riskji li tista’ tidħol fihom, basta li tisimgħu jew tmissu ftit.
Fir-rakkont tal-fejqan tal-magħtub kif jippreżentahulna San Mark, tant kienet kbira l-folla li biex sħabu ħaduh għand Ġesù kellhom jaqalgħu biċċa mis-saqaf. Din kienet il-fidi tagħhom, l-istess bħal dik tal-mara li missitlu t-tarf tal-libsa biex tfiq u taċ-ċenturjun li xtaq il-fejqan tal-qaddej tiegħu. Il-fidi qawwija hi kuraġġuża, timxi ‘l quddiem għax il-qalb tkun miftuħa.
Bil-fejqan tal-magħtub, Ġesù jagħmel pass ‘il quddiem. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu f’Nażaret kien mar fis-sinagoga fejn qal li kien ġie mibgħut biex jeħles lill-imjassrin, lill-ħabsin u jrodd id-dawl lil-għomja. Hawnhekk jagħmel xi ħaġa aktar: mhux biss ifejjaq imma jaħfer id-dnubiet ukoll.
Kien hemm min kellu qalb magħluqa u kien jaċċetta, sa ċertu punt, li Ġesù kien ifejjaq il-mard. Imma li jaħfer id-dnubiet. M’għandux dritt jgħid dan għax Alla biss jaħfer id-dnubiet.
Imma Ġesù jaqralhom ħsibijiethom mingħajr ma jgħid li hu Alla. Minflok jistaqsihom: għaliex qed taħsbu hekk? Biex jemmnu li l-Iben t’Alla għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet qal lill-marid: qum, erfa’ friexek u mur. Hawnhekk Ġesù jibda’ juża lingwaġġ li f’ċertu punt beda jgerrex lin-nies. Kien diskors iebes meta qal li l-ikel tat-triq tas-salvazzjoni huwa Ġismu.
Aħna nifhmu, li Alla jiġi biex ifejjaqna mill-mard, imma qabel kollox biex jeħlsina minn dnubietna u jwassalna għand il-Missier. Għalhekk ġie mibgħut. U dan hu diffiċli ħafna biex jinftiehem mhux mill-Iskribi biss. Meta Ġesù jidher li għandu setgħa akbar minn dik ta’ bniedem, li jaħfer, li jagħti l-ħajja, biex joħloq mill-ġdid lill-umanità, anki d-dixxipli tiegħu daħlulhom id-dubji. U wħud minnhom telqu. Ġesù mbagħad jistieden lill-dawk li baqgħu miegħu biex jekk iridu jitilqu huma wkoll.
Din hi l-fidi, il-fidi f’Ġesù Kristu. Kif inhi l-fidi tiegħi fih ? Nemmen li Ġesù Kristu hu Alla, Iben Alla? Din il-fidi qed tibdilli ħajti ?
Jalla l-Mulej ikattrilna l-fidi. In-nies kienu jfittxuh għax kien jitkellem bis-setgħa mhux kif kienu jagħmlu l-Iskribi. Kienu jmorru warajh għax kien jagħmel il-mirakli wkoll. Imma fl-aħħar, wara dak kollu li raw dawn in-nies, baqgħu mistgħaġbin u bdew ifaħħru ‘l Alla.
Fr Claude