Ġesù jiġbor it-talba kollha fil-kelma Missier. Dal-Missier jaf dak li neħtieġu qabel ma nitobuhulu. Hu Missier li jisma’ fil-moħbi, u Ġesù jgħidilna biex nitolbu fil-kamra waħedna. Dal-Missier, itina l-identità ta’ ulied u meta jien ngħid “Missier” nuri li l-identità nisranija tiegħi tagħmilni iben. Din hi grazzja mill-Ispirtu s-Santu.
Ġesù kien juża l-kelma Missier fil-mumenti l-aktar qawwija ta ħajtu, meta kien ikun mimli ferħ u emozzjoni: Missier infaħħrek għax dawn l-affarijiet urejthom li min hu żgħir; jew meta kien imbikki quddiem il-qabar ta’ Lazzru: Missier irroddlok ħajr għax smajtni; jew wara, fil-waqt aħħari ta’ tmiem ħajtu fuq is-salib. F’dawn il-mumenti qawwija Ġesù jgħid “Missier”. Din hi l-kelma li juża. Hu jkellem lill-Missier. Di hi d-dimensjoni tat-talb. Jekk ma nħossuniex ulied, it-talb tagħna jkun pagan,ikun talb tal-kliem biss. Naturalment, nistgħu nitolbu lill-Madonna, lill-anġli u l-qaddisin. Imma l-ġebla tax-xewka tat-talb tagħna hija l-Missierna. Jekk ma jkollniex ħila nibdew minn dil-kelma, talbna mhux sejjer tajjeb.
Irridu nħossu l-ħarsa tal-Missier fuqna, inħossu li dik il-kelma Missier mhix xi ħaġa żejda bħalma hu t-talblib tal-pagani. Hija sejħa lil dak li tani l-identità ta’ iben. Dan hu t-talb nisrani. Imbagħad ħalli nitolbu lill-Madonna, lill-anġli, lill-qaddisin, nagħmlu pellegrinaġġi u purċissjonijiet. Kollox hu sabiħ imma dejjem mibdi mill-kelma Missier u bl-għarfien li aħna ulied u għandna Missier li jħobbna u jaf il-ħtiġijiet tagħna kollha.
Għalhekk jekk it-talb tagħna jibda’ bil-kelma Missier ikompli bil-kelma Missierna, aħna aħwa, familja. Il-Missier, jtina l-identità ta’ familja. Għalhekk hu importanti li nkunu nafu naħfru, ninsew, ninsew l-offiżi, indaħħlu fina dik id-drawwa sabiħa li ngħidu: ħalliha għaddejja, ħa jagħmel il-Mulej u ma nbejtu xejn f’qalbna, ebda ħsieb ta’ tpattija. Meta nitolbu ‘l Alla u naħfru lil kulħadd, ninsew l-offiżi, din tkun l-aktar talba tajba li tista’ tagħmel. Tajjeb li kultant nagħmlu ftit eżami tal-kuxjenza dwar dan. Għalija Alla hu Missier?, inħossu bħala Missieri? U jekk ma nħossux hekk nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jgħallimni nħoss dan.
B’hekk jien ikolli ħila ninsa l-offiżi, u jekk le, nitlob lill-Missier hekk: dawn ukoll huma uliedek, għamluli xi ħaġa ħażina, Mulej għinni biex naħfer. Nagħmlu dan l-eżami tal-kuxjenza għax hu ta’ fejda għalina. Missier, Missierna: dan itina l-identità ta’ ulied u jtina familja biex fil-ħajja nimxu lkoll flimkien u qatt waħedna.
Fr Claude