In-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl

Qari I

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.

 

Missier, il-providenza tiegħek tmexxih;

għax int ftaħt triq fil-baħar ukoll,

u mogħdija bla periklu qalb l-imwieġ.

Hekk turi li int tista’ teħles minn kull tiġrif,

biex ukoll min ma jifhimx jista’ jbaħħar.

Inti ma tridx li għemil l-Għerf ikun għal xejn;

għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom

fuq għuda dgħajfa, u jaqsmu, qawwijin u sħaħ,

mwieġ kbar fuq ċattra.

Hekk ukoll, meta kienu qegħdin jinqerdu

l-ġganti l-kbar,

fuq dgħajsa skansat it-tama tad-dinja

u, mmexxija minn idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa

ta’ nisel ġdid.

Imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid!

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

R/. Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għall-tjubitu.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

U joffrulu sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr,

u jxandru l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi.  R/.

 

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,

li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,

raw l-opri tal-Mulej

u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar.  R/.

 

Hu ordna u qajjem riefnu,

li qanqal imwieġ il-baħar.

Għolew sas-smewwiet

u niżlu sa qiegħ il-baħar;

qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. R/.

 

Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra,

u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U bidel ir-riefnu f’żiffa, u sikket mewġ il-baħar.  R/.

 

Huma ferħu għax ibbnazza;

u hu wassalhom sal-port li xtaqu.

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.  R/.

 

 

Qari II

Il-Maltin ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħala.

Atti 27, 16 – 28, 6

 

Qari mill-Atti tal-Appostli.

 

B’ġirja waħda għaddejna

taħt ir-riħ ta’ daqsxejn ta’  gżira jisimha Kawda.

Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna,

u għalhekk tellgħuha mill-baħar.

Imbagħad qabdu l-armar

u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi,

niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna miegħu.

 

L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna,

bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar,

u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess. Għal ħafna jiem

la dehret xemx u lanqas kwiekeb;

it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa,

hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.

In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni

u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef.

Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli,

“Tibżax, Pawlu.

Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari;

ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha

li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.”

Mela qawwu qalbkom, ħbieb.

Jien nemmen f’Alla li hekk isir,

sewwasew kif ħabbarli.

Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira”.

 

Meta wasal l-erbatax-il lejl,

konna ninsabu mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm

fil-baħar ta’ Adrija.

Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl

il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art.

Skandaljaw il-fond tal-baħar,

u sabu għoxrin qama;

imxejna ftit ieħor ‘il quddiem,

reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax.

Huma beżgħu li xi mkien

konna se naħbtu ma’ xi skoll,

u għalhekk niżżlu erba’ ankri mill-poppa.

Ix-xewqa tagħhom kienet

li ma jdumx ma jisbaħ.

Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen,

u niżżlu dgħajsa l-baħar

bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa.

Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati:

“Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen,

intom ma tistgħux issalvaw”.

Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa

u ħallewha tmur għal riħha.

 

Meta sar il-ħin biex jisbaħ,

Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd

biex jitrejjqu b’xi ħaġa, u qalilhom:

issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata

tistennew sajmin u ma dduqu xejn.

Għalhekk agħmlu l-qalb

u trejjqu b’xi ħaġa tal-ikel;

dan jiswielkom għal saħħitkom,

għax ħadd minnkom

m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu”.

Kif qal dan, qabad il-ħobż,

radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd,

qasam u beda jiekol.

Imbagħad kulħadd għamel il-qalb,

u ħadu xi ħaġa tal-ikel huma wkoll.

Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen. Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.

 

Xħin imbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex;

lemħu biss bajja bi xtajta fiha,

u qatgħuha li, jekk jistgħu,

jitfgħu l-ġifen fuqha.

Rħew l-ankri u telquhom il-baħar,

u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.

Imbagħad tellgħu l-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem għar-riħ u rħewlha lejn ix-xtajta.

Iżda ħbatna ma’ sikka bejn żewġ kurrenti,

u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha.

Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post

u ma tħarrkitx iżjed,

imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ.

Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri,

li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm;

iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ‘l Pawlu,

ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ.

Lil dawk li kienu jafu jgħumu

ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar

u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen.

U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

 

Meta ħlisna mill-għarqa,

sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.

In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna

bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa,

għax kienet bdiet nieżla x-xita

u kien il-bard.

Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa

u tefagħhom fin-nar.

Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li,

malli ħasset is-sħana,

ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu.

In-nies tal-gżira,

kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu,

bdew jgħidu wieħed lil ieħor:

“Dan ir-raġel żgur xi qattiel,

għax għad li ħelisha mill-baħar,

il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!”

Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.

Huma stennew li se jarawh jintefaħ

jew jaqa’ u jmut f’daqqa.

Wara li damu jistennew ħafna

u raw li ma ġralu ebda deni,

biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.

 

F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju.  Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. Wara dan, imbagħad, bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Evanġelju    Mk 16, 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark.

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Ħdax :

“Morru fid-dinja kollha,

xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.

Min jemmen u jitgħammed, isalva;

iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.

U dawn huma s-sinjali

li jsieħbu lil dawk li jemmnu:

f’ismi jkeċċu x-xjaten,

jitkellmu b’ilsna ġodda,

jaqbdu s-sriep b’idejhom,

u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt

ma jagħmlilhomx ħsara;

iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

U hekk il-Mulej Ġesù,

wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema

u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien;

il-Mulej kien jaħdem magħhom

u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

 

TALBIET TAL-INTERĊESSJONI – SAN PAWL

Mulej, illum smajna kemm int dħalt minn kmieni fl-istorja tagħna l-Maltin. Ħallina nħossuna wliedek billi b’fiduċja rressqulek dawn it-talbiet:

Ċelebrant: NITOLBU GĦALL-KNISJA UNIVERSALI

Ħares, nitolbuk, Mulej, il-Knisja tiegħek u saħħaħna bit-tagħlim tal-Evanġelju kif imwassal lilna minn San Pawl Missierna.  Nitolbu…

Ċelebrant: NITOLBU GĦALL-KNISJA F’MALTA

Nitolbuk għall-Knisja lokali biex tagħraf tkun relevanti għall-poplu tagħna u tiġġedded permezz tat-twettiq tas-sinodu u tal-viżta pastorali. Nitolbu…

Ċelebrant: NITOLBU GĦALL-DAWK LI QED IFITTXU LIL ALLA

Mulej, int permezz ta’ San Pawl wassalt id-dawl tal-fidi f’artna, agħti d-dawl lil dawk li qegħdin ifittxuk b’qalb sinċiera. Nitolbu…

Ċelebrant: NITOLBU GĦALL-MEXXEJJA TA’PAJJIŻNA

Ieqaf, Mulej, ma’ dawk li għażilna biex nafdawlhom f’idejhom it-tmexxija ta’ pajjiżna biex bil-ħidma tagħhom, qatt ma jitbiegħdu minn dak li trid u tgħallem il-Knisja tiegħek. Nitolbu…

Ċelebrant: NITOLBU GĦALINA LKOLL

Agħmel, Mulej, li dejjem ngħożżu bħala l-aqwa u l-isbaħ wirt tagħna l-fidi li ħallewlna missirijietna biex ngħadduha bla mittiefsa lil uliedna. Nitolbu…

Ċelebrant: NITOLBU GĦALL-ĦUTNA MEJTIN

Nitolbu għall-mejtin tagħna. Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem; id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen. Nitolbu…

Ċelebrant:

Mulej Alla taghna, dan nitolbuh bi Kristu Sidna. Ammen.

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading