Żgur li smajtu bil-proġett tal-bini ta’ ċentru parrokjali biswit il-knisja parrokjali ta’ San Ġiljan. Proġett ambizzjuż li ssemma’ kemm il-darba imma qatt ma kien viċin li jsir daqs din id-darba. Minn meta ħa t-tmun tal-parroċċa f’idejh Dun Claude Portelli mal-ewwel beda’ jberren f’moħħu kif u x’jista’ jsir biex il-parroċċa jkollha ċentru parrokjali li jixirqilha u addatat għaż-żminijiet tal-lum.
Matul din il-ġimgħa bdew jidhru l-ewwel sinjali tax-xogħol billi qed isiru l-barrikati u preparazzjonijiet oħra meħtieġa. Dan iċ-ċentru ser joffri diversi vantaġġi għall-parroċċa. Illum ser insemmu biss wieħed mill-vantaġġi kbar li ser iġib miegħu dan il-proġett: Zuntier akbar, isbaħ u li jdur mal-knisja. Dawk li jkunu preżenti waqt il-ħruġ jew dħul tal-purċissjonijiet jafu bir-restrizzjonijiet li jeżistu biz-zuntier eżistenti.
Kif jidher fir-ritratt tal-pjanta li qed nippubblikaw ma dan l-artiklu, issa ser ikollna zuntier ferm ikbar u li jibqa’ jdur mad-dawra tal-knisja. Dan ser joffri diversi vantaġġi fosthom, iżjed spazju għal pubbliku, jiġi evitat xi ftit taraġ għal waqt il-purċissjonijiet billi purċissjoni tista’ toħroġ jew tidħol minn fejn il-Book Centre, ser ikun hemm taraġ dritt għal fuq il-pont, u aċċess iżjed faċli għal funerali u tiġijiet.

Nappellaw lill-parruċċani biex jissapportjaw lill-kappillan f’dan il-proġett. Min għandu xi diffikulta għandu jikseb l-informazzjoni biss minn sorsi uffiċjali tal-parroċċa. Għidut oħrajn jew sorsi mhux uffiċjali għandhom jiġu injorati għal kollox. Il-kappillan lest jiltaqa’ u jikkjarifika xi punti ma min għandu xi mistoqsijiet.
Inħeġġu lil kulħadd biex jinġibed ħabel wieħed biex fi ftit xhur oħra ikollna binja li ilha tant tissemma’ u li ilna tant nistennew.