Għaliex il-vjola ? Għaliex ix-xewk? Għaliex kurċifiss kbir fin-nofs ? Għaliex zkuk niexfa flok ward frisk u sabiħ ? Għaliex Via Sagra ? Għaliex kant kiebi u mhux ferrieħi ? Għaliex mużika b’volum baxx ? Għaliex inkantaw Glorja u Tifħir u mhux Allelulia ? Għaliex ma tingħadx il-Glorja? U nibqgħu sejrin…Għaliex ?
Huma mistoqsijiet li jistgħu jiġuna ġo moħħna hekk kif nidħlu ġo knisja fi żmien ir-Randan imma forsi ma nistaqsuhom lil ħadd u allura nibqgħu bla tweġiba – jew naslu għal konklużjoni żbaljata.
Ir-Randan hu żmien sabiħ immens biex wieħed:
- Jidħol fih innifsu;
- Jagħaraf x’hemm itaqqlu f’ħajjtu;
- Jagħaraf x’hemm jikkonfondih fil-fond tal-kuxjenza tiegħu;
- Jagħaraf id-dnubiet u l-fraġilitajiet tiegħu;
- Jagħaraf in-nuqqas ta’ kontroll: f’ġismu, fl-aptit tiegħu, fir-rieda tiegħu..
Meta wieħed jagħaraf dan kollu, u jaċċettahom bħala parti minnu…..imbagħad ikun jista’ jibda’ l-proċess ta’fejqan.
L-atmosfera ta’ ġol-knisja f’dan iż-żmien tipprova toħloq ambjent li jgħinek tidħol f’atmosfera ta’ deżert – il post li fih Ġesu’ stess inqata’ minn ta’ madwaru u mil-lussu kollu…biex jiltaqa’ miegħu innifsu u ma’ Alla – id-deżert – post ta’ distakk minn dak kollu li jpaxxi l-għajnejn u s-sensi l-oħra, u post ta’ sagrifiċċju.
Għalhekk fil-knisja nsumu mill-ward frisk, mill-kulur abjad, mill-kant ferrieħi, mill-Glorja u l-Allelulia…li kollha jirritornaw lura fil-lejl qaddis tal-Għid.