Nagħrfu li aħna midinbin biex nilqgħu l-ħniena t’Alla
Fil-Ktieb tal-Profeta Ġeremija jidher ċar li Alla hu dejjem fidil għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu, filwaqt li l-poplu ma jagħtix widen għall-Kelma tiegħu. Għalhekk, Ġeremija jirrakkuntalna x’għamel Alla biex jerġa’ jikseb għalih il-qlub tal-poplu. Imma l-poplu jibqa’ jwebbes rasu fl-infedeltà. Din l-infedeltà tal-poplu t’Alla u li hija l-infedeltà tagħna wkoll, twebbes il-qalb, tagħlaqha: Ma tħallix il-Kelma tal-Mulej li, bħala missier li jħobb, jitlobna dejjem biex inkunu miftuħin għall-ħniena tiegħu u għal imħabbtu.
F’wieħed mis-salmi fil-Liturġija tal-Kelma matul dawn il-jiem tar-Randan insibu: Isimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom! Hekk ikellimna dejjem il-Mulej, bl-imħabba ta’ missier jgħidilna: Erġgħu duru lejja b’qalbkom kollha għax jien ħanin u ta’ qalb tajba. Imma meta l-qalb tkun iebsa din l-istedina ma nifhmuhiex. Il-ħniena t’Alla nifhmuha biss meta jkollna l-ħila niftħu qalbna, ħalli jkun jista’ jidħol Hu.
F’waħda mis-siltiet tal-Vanġelu skont San Luqa naraw li Ġesù jkun konfrontat minn dawk li kienu studjaw l-Iskrittura, l-imgħallmin tal-liġi li kienu jafu t-teoloġija, imma kienu magħluqin għal kollox. Kellhom qalbhom iebsa wisq u kienu mmexxijin mill-Liġi biss u xejn iżjed. Filwaqt li naraw li l-folla kienet mistgħaġba, kif ukoll kellha l-fidi f’Ġesù, kellha qalbha miftuħa: imperfetta, midinba, imma qalb miftuħa. Imma dawn it-teoloġi, kellhom atteġġjament ta’ għeluq. Kienu dejjem ifittxu spjegazzjoni, basta ma jifhmux il-messaġġ ta’ Ġesù, kienu jitolbuh sinjal mis-sema. Kellhom qalbhom u moħħhom dejjem magħluqin. Għalihom, kien Ġesù li kellu jiġġustifika dak li kien qiegħed jagħmel u mhux huma.
Din hi l-istorja, l-istorja ta’ fedeltà falluta, l-istorja tal-qlub magħluqa li ma jħallux il-ħniena t’Alla tidħol fihom, li tilfu t-tifsira tal-kelma “maħfra”. “Aħfirli Mulej!” Imma dawn l-Imgħallmin tal-Liġi kienu hekk rashom iebsa u qalbhom iebsa għax ma kienux iħossu li huma midinbin: kienu jħossuhom biss imħallfin tal-oħrajn u li huma biss kienu ġusti quddiem Alla. U din il-fedeltà falluta Ġesù jispjegaha bi kliem ċar ħafna biex b’hekk jagħlaq ħalq it-tpaċpiċ ta’ dawn l-ipokriti: Min mhux miegħi hu kontra tiegħi. Fi kliem ieħor Ġesu’ qed jgħid: Jew inti fidil, b’qalbek miftuħa għal Alla li hu fidil, jew int kontrih. Min mhux miegħi hu kontra tiegħi.
Nitolbu l-Mulej itina l-grazzja tal-fedeltà. U l-ewwel pass fit-triq tal-fedeltà hu li tagħraf li inti midneb. Jekk int ma tħossx li inti midneb, bdejt ħażin. Nitolbu l-grazzja li qalbna ma tibbiesx, li tkun miftuħa għall-ħniena t’Alla b’mod speċjali matul dawn l-erbgħin jum tar-Randan Imqaddes u għall-grazzja tal-fedeltà. Nitolbu l-grazzja li aħna, infidili, inkunu kapaċi nitolbu maħfra wkoll sabiex b’hekk inkunu nistgħu lkoll induqu u naraw kemm hu tajjeb il-Mulej.
Fr Claude