Fi ftit jiem oħra ser jasal fi tmiemu r-restawr li għaddej fuq il-Ġirandola (mit-Taljan Girandola) jew kif aktar isibuha n-nies Ġilandra. Il-Ġilandra fil-knisja parrokjali ta’ San Ġiljan, tintrama’ f’Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira biex iżejjen l-altar tar-repożizzjoni fil-Knisja Parrokkjali (kif jidher fir-ritratt fuq).
Din il-Ġilandra kellha bżonn kbir ta’ restawr. Kemm ilu li ġie Dun Claude Portelli fil-parroċċa tagħna ħa diversi inizjattivi biex jirrestawra dak li ħallew missirijietna. Issa kien imiss propju l-Ġirandola. Spiża enormi minħabba kemm il-ħsarat li kien fiha u anke l-kobor tagħha.
Barra minn hekk, Dun Claude laqa’ t-talba ta’ wħud biex jinstab post xieraq fejn din il-Ġilandra tiġi merfugħa matul is-sena mingħajr ma ssirilha ħsara. Għalhekk huwa ħa ħsieb jordna vetrina kbira li ser tkun fis-sagristija. Hawn ser tkun tista’ titgawda matul is-sena kollha.
Ix-xogħol kollu tar-restawr jinsab f’idejn id-ditta PREVARTI. Bicca xogħol enormi fejn anke saru xi partijiet ġodda peress li kienu miksurin. Minn hawn ngħidu grazzi lil Pierre u lit-tim kollu tiegħu.
L-ispiża għar-restawr u l-vetrina ser tkun madwar it- € 8,000. Spiza mhux żgħira imma li bl-għajnuna ta’ kulħadd tista tintlaħaq. Sa issa għadu ma nġabar xejn għal dan il-proġett. Nappellaw għall-ġenerożita’ ta’ dawk li jħossuhom parti mill-parroċċa Ġiljaniża. Kull għajnuna tgħodd – żgħira kemm hi zgħira. Kull min jixtieq jagħti donazzjoni għandu jkellem lill-kappillan Dun Claude Portelli.
Ftit tagħrif miġbur min-Niki Papagiorcopulo dwar din il-Ġirandola: Din hija biċċa xogħol ta’ skultura fl-injam, indurat bid-deheb. Fuq wara nsibu skrizzjoni li taqra hekk:
HAEC AEDICVULA COEPTA ET PERFECTA EST AERE COLLATICIO IOSEPHO XERRIO CVRIONE IOSEPHO MANICOLO AVCTORIBUS 1893
li tfisser:
(Din l-opra kienet mibdija, kompluta u mħallsa mill-ġbir tas-Saċerdot Ġużeppi Xerri u nħadmet minn Ġużeppi Manicolo fl-1893).
Ġirandola hija speċi ta’ tabernaklu/tron kbir fejn ikun espost Ġesù Ewkaristija għall-adorazzjoni tal-fidili. L-isem ‘ġirandola’ jalludi għall-fatt li l-bieba ta’ dan it-tabernaklu ddur dawra mejt. Din il-ġirandola kienet tintrama fuq l-altar il-maġġur tal-Knisja Parrokkjali l-Antika għas-Solennità ta’ Corpus Domini. Illum tintuża biex iżżejjen l-altar tar-repożizzjoni nhar Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira fil-Knisja Parrokkjali.