Messaġġ mill-Kappillan Dun Claude Portelli

Ejja Spirtu s-Santu

Il-festa tal-Għid il-Ħamsin li niċċelebraw fil-bidu ta’ dan ix-xahar ta’ Ġunju tgħinna nerġgħu ngħixu l-bidu tal-Knisja.  Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta li, ħamsin jum wara l-Għid, fid-dar fejn kienu jinsabu d-dixxipli ta’ Ġesù, “f’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi… u mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra” (2, 2-4).  Minn dan it-tiswib id-dixxipli jiġu mibdula kompletament: flok il-biża jidħol il-kuraġġ, l-għelqu iċedi postu għat-tħabbir u kull dubju jiġi mkeċċi mill-fidi mimlija mħabba.  Din hija l-“magħmudija” tal-Knisja, li hekk bdiet il-mixja tagħha fl-istorja, immexxija mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Dik il-ġrajja, li tibdel il-qalb u l-ħajja tal-Appotli u tad-dixxipli l-oħra, tinħass malajr ‘l barra miċ-Ċenaklu.  Fil-fatt, dak il-bieb li nżamm magħluq għal ħamsin jum fl-aħħar jinfetaħ beraħ u l-ewwel Komunità nisranija, li issa ma tibqax magħluqa fiha nfisha, tibda tkellem lill-folol ġejjin minn postijiet differenti fuq il-ħwejjeġ kbar li għamel Alla (cfr v. 11), jiġifieri dwar il-Qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, li kien imsallab.  U kull wieħed li kien preżenti jisma’ lid-dixxipli jitkellmu b’ilsienu.  Id-don tal-Ispirtu jerġa’ jġib l-għaqda fost il-lingwi li kienet intilfet f’Babel u jħabbar minn qabel il-ftuħ universali tal-missjoni tal-Appostli.  Il-Knisja ma titwilidx iżolata, imma titwieled universali, waħda, kattolika, b’identà ċara imma miftuħa għal kulħadd, mhux magħluqa, identità li tilqa’ fi ħdanha id-dinja kollha, bla ma tħalli lil ħadd barra.  Ommna l-Knisja ma tagħlaq bibienha f’wiċċ ħadd, lanqas f’wiċċ l-ikbar midneb.  Il-Knisja Omm tiftaħ beraħ il-bibien tagħha għal kulħadd għax hi omm.

L-Ispirtu s-Santu msawwab f’qalb id-dixxipli nhar  Għid il-Ħamsin hu l-bidu ta’ staġun ġdid: l-istaġun tax-xhieda u tal-fraternità.  Huwa staġun li jiġi mill-għoli, li jiġi minn Alla, bħal dawk l-ilsna tan-nar li waqfu fuq ras kull wieħed mid-dixxipli.  Kienet il-ħuġġieġa ta’ mħabba li taħraq kull qrusa; kien l-ilsien tal-Vanġelu li jaqbeż il-konfini mqiegħeda mill-bnedmin u li jmiss il-qlub ta’ ħafna, bla distinzjoni ta’ lingwa, razza jew nazzjonalità.  Bħal dakinhar ta’  Għid il-Ħamsin, l-Ispirtu s-Santu jissawwab il-ħin kollu llum fuq il-Knisja u fuq kull wieħed minna sabiex aħna nitilqu’ mill-medjokrità tagħna u noħorġu mill-għeluq tagħna u mwasslu lid-dinja kollha l-imħabba kollha ħniena tal-Mulej.  Inwasslu l-imħabba kollha ħniena tal-Mulej:  din hija l-missjoni tagħna.  Anke lilna ġew mogħtija r-rigali tal-“ilsien” tal-Vanġelu u tan-“nar” tal-Ispirtu s-Santu, sabiex waqt li nxandru lil Kristu Rxoxt, li hu ħaj u jinsab fostna, insaħħnu l-qalb tagħna u anke l-qlub tal-popli billi rresquhom lejH, it-triq, il-verità u l-ħajja.

Ejjew nintelqu fl-interċessjoni materna tal-imqaddsa Marija, li kienet preżenti bħala Omm f’nofs id-dixxipli fiċ-Ċenaklu: hi omm il-Knisja, omm Ġesù li saret omm il-Knisja.  Nintelqu f’idejha sabiex l-Ispirtu s-Santu jinżel bil-qawwa bl-abbundanza fuq il-Knisja ta’ żmienna, jimla’ l-qlub tal-insara kollha u jħeġġeġ fihom in-nar tal-imħabba tiegħu.

Fr Claude

 

About the author

Ikkummenta