Waqt l-avviżi, illum il-Ħadd 23 ta’ Lulju 2017, il-kappillan Dun Claude Portelli ħabbar li l-proġett tal-bini taċ-ċentru parrokkjali miexi kif ippjanat. Għalkemm jifhem l-inkonvenjent kbir li l-għeluq tal-pont ġab għal diversi residenti tal-inħawi, is-saħħa u s-sigurta’ huma ta’ priorita’ assoluta.
Il-kappillan ħabbar li waqt li issa beda’ l-proċess biex jissaqqaf it-tieni sular, fi ftit jiem oħra ser jibda’ l-bini tat-tielet sular li ser ikun jikkonsisti fis-sala parrokkjali. It-tielet sular ser iwassal biex għal bidu t’ Awwissu l-knisja parrokkjali ser ikollha zuntier ferm akbar u jkun jista’ jitpoġġa wkoll it-taraġ li jagħti għall-pont. B’hekk ir-residenti tal-inħawi jkunu jistgħu jerġgħu jagħmlu użu minnu.
Il-kappillan appella biex nieħdu paċenzja ftit ieħor sakemm ikollna binja li tixraq ferm lill-parroċċa tagħna fiż-żminijiet tal-lum.
Ovvjament wara l-proċess tal-bini jkun jonqos ferm iżjed xogħol biex il-proġett ikun komplut.