Qari I
Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek ġust u rebbieħ.
Żakk 9, 9-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija
Dan jgħid il-Mulej:
“Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon,
għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!
Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek;
ġust u rebbieħ,
umli u riekeb fuq ħmar,
fuq felu ta’ ħmara.
Hu jeqred il-karru minn Efrajm
u ż-żiemel minn Ġerusalemm;
jinqered il-qaws tal-gwerra.
Hu jxandar il-paċi lill-ġnus,
il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar,
u mix-xmara tal-Ewfrat sat-trufijiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 144 (145), 1-2.8-9.10-11.13cd-14
R/. (1): Mulej, inbierek ismek għal dejjem
Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kull ma għamel. R/.
Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Iwieżen il-Mulej lil kull min se jaqa’,
iqajjem lil kull min hu mitluq. R/.
Qari II
Jekk tmewtu bl-Ispirtu l-għemil tal-ġisem, tgħixu.
Rum 8, 9.11-13
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.
Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jien ta’ qalb ħelwa u umli.
Mt 11, 25-30
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu