Il-Wieħed u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari I
Twarrabtu mit-triq, u ġagħaltu lil ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom.
Mal 1, 14b – 2, 2b.8-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija
Jien Sultan kbir – jgħid il-Mulej tal-eżerċti – u ismi ta’ min jibża’ minnu fost il-ġnus.
U issa għalikom, qassisin, huwa dan il-kmandament:
Jekk intom ma tisimgħux u jekk ma tfittxux minn qalbkom li ssebbħu lil ismi,
jgħid il-Mulej tal-eżerċti, jiena nibgħat fuqkom is-saħta, u nisħet
il-barkiet tagħkom.
Intom twarrabtu mit-triq,
ġagħaltu ’l ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom;
ħassartu l-patt ta’ Levi,
jgħid il-Mulej tal-eżerċti.
Għalhekk jien ukoll tlaqtkom għaż-żebliħ
u għat-tmaqdir tal-poplu kollu,
bħalma intom ma żammejtux triqati,
u ħaristu lejn l-uċuħ fit-tagħlim tagħkom.
Mhux Missier wieħed għandna lkoll kemm aħna? Mhux Alla wieħed ħalaqna? Mela għaliex nimxu bil-qerq bejnietna u nonqsu mill-ġieħ lejn il-patt ta’ missirijietna?
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 130 (131), 1.2.3
R/. Mulej, ħarisli ruħi fis-sliem
Mulej, ma tkabbritx qalbi,
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar,
jew wara ħwejjeġ ogħla minni. R/.
Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ,
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma,
hekk hi ruħi ġewwa fija. R/.
Ittama, Iżrael, fil-Mulej,
minn issa u għal dejjem! R/.
Qari II
Ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju skond Alla, imma ħajjitna stess.
1 Tess 2, 7b-9.13
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Ħuti, aħna ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm tradda’ tħaddan lil uliedha. Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.
Intom, ħuti, tiftakru fit-taħbit u t-tbatija kbira tagħna. Sakemm konna qegħdin inxandrulkom l-Evanġelju ta’ Alla, aħna ħdimna bil-lejl u binhar, biex lil ħadd minnkom ma ngħabbu.
Aħna niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-kelma ta’ Alla, li intom smajtu mingħandna, iltqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 23, 9b.10b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet;
il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kliem biss għandhom, imma fatti xejn.
Mt 23, 1-12
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.
Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “rabbi”.
Imma intom tħallux min isejħilkom “rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd “missier” fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak
li hu fis-smewiet. Hekk ukoll tħallux min issejħilkom “mexxejja”, għax il-Mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu