Ir-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena jmorru lura għal mijiet ta’ snin. Iżda, filwaqt li t-tradizzjoni għexet għal dan iż-żmien kollu, hawn min ir-riżoluzzjoni tiegħu ddum mill-Milied sa San Stiefnu. Inti għandek xi riżoluzzjoni ? Bħala parroċċa qed nirrakomandaw riżoluzzjoni għas-sena li għadna kif bdejna: Riżoluzzjoni ta’ aktar talb – Nersqu iżjed lejn Alla permezz tat-talb. Minn din il-paġna, iżjed l-isfel qed noffrulek links li jgħinuk titlob. Talb bil-Malti u anke bl-Ingliż.
Alla jkellem lill-bniedem bil-Kelma tiegħu. Hu bil-kliem tal-fomm u tal-moħħ, li t-talb jitlissen. Iżda l-aktar ħaġa importanti fit-talb hi li qalbna tkun qiegħda quddiem dak li nkunu nkellmu fit-talb tagħna. Is-smigħ tat-talb tagħna jiddependi , mhux minn kemm ngħidu kliem, imma mill-ħeġga tar-ruħ.
Kemm il-darba smajna dak li qalilna Kristu, meta titolbu għidu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum. Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’ (Mt 6:9-13)
Żgur li Kristu ma riedx li fit-talb ippoġilna f’ħalqna formoli eżatti u preċiżi li nitgħallmuhom bl-amment u nreddnuhom bħal pappagal, imma ċert li ried jagħtina mudell għat-talb tagħna.
Il-Papa Franġisku beda jirreklama t-talb bħala mediċina tal-qalb. Huwa dejjem iħeġġeġ il-folla sabiex titlob it-talba tar-Rużarju, li tgħin ir-ruħ u taqsam l-imħabba, il-maħfra u l-fraternità mal-oħrajn.
Mela, ibda’ s-sena 2018 b’riżolużżjoni li titlob ftit kuljum. Dawn il-links hawn taħt jgħinuk tilħaq dan l-iskop.
https://www.stjuliansparish.org/talb-ghal-kuljum/
https://www.stjuliansparish.org/talb-ghal-kuljum-daily-prayers/