Fl-Epifanija, l-knisja tfakkarna jew tħabbrilna l-festi maġġuri li ser jiġi ċelebrati matul is-sena li għadna kemm bdejna:
Ħuti għeżież,
f’dawn il-ġranet deher fostna s-sebħ tal-Mulej
u se jibqa’ jidher sa ma jerġa’ jiġi
b’setgħa u glorja kbira.
Tul is-sena kollha, flimkien mal-Knisja,
aħna ngħixu l-misteru tas-salvazzjoni tagħna,
li jilħaq il-qofol tiegħu
fit-tlett ijiem imqaddsa tal-Għid,
li fihom niċċelebraw il-passjoni, il-mewt
u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.
Din is-sena l-ferħ tal-Għid il-Kbir
li jixxerred ma’ kullimkien fid-dinja,
se ngħixuh mal-Knisja kollha fl-1 t’ April.
Iżda kull nhar ta’ Ħadd
il-Knisja tistedinna biex ngħixu dan il-ferħ tal-Għid,
għax kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tiċċelebra
il-misteru kbir tal-fidwa tagħna
u tfakkarna li l-Mulej bil-mewt tiegħu
qered il-mewt tagħna
u bil-qawmien tiegħu mill-imwiet tana ħajja ġdida.
Marbutin ma’ din il-festa tas-salvazzjoni tagħna
hemm il-jum qaddis tal-bidu tar-Randan Imqaddes
li din is-sena se niċċelebrawh fil-14 ta’ Frar
hemm it-tlugħ tal-Mulej fis-sema
li se jiġi fl-13 ta’ Mejju;
Hemm, fil-20 ta’ Mejju, jum Għid il-Ħamsin
li jagħlaq iż-żmien ta’ l-Għid il-Kbir tal-Mulej.
U hemm mbagħad l-ewwel Ħadd tal-Avvent fit-2 ta’ Diċembru,
meta mill-ġdid mal-Knisja nibdew ngħixu
l-misteru tas-salvazzjoni tagħna.
Il-Knisja tħabbar ukoll il-misteru tal-Għid
meta, matul is-sena, tiċċelebra l-festi
tal-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja
tal-Appostli u tal-Qaddisin,
tal-Martri u tar-Ragħajja tal-Erwieħ u tal-Verġni,
u kull meta tagħmel it-tifkira ta’ ħutna l-mejtin,
waqt li tagħti tifħir, ġieh, glorja u radd il-ħajr
lill-Mulej Ġesù, li kien li hu, u li jibqa’ għal dejjem,
Sid iż-żminijiet u Sultan tal-Ħolqien kollu.
Inħabbru wkoll il-festa tal-patrun tagħna San Ġiljan
li din is-sena ser taħbat fis-26 t’Awwissu 2018.